Ekonomija Lokali

Filmat: Il-Gvern se jgħolli l-Bolla tal-’employers’ biex jiffinanzja l-leave tal-maternità

Minkejja li l-PM Joseph Muscat qal li l-miżuri biex togħla l-Bolla tal-employers biex jiffinanzja l-leave tal-maternità se jsiru bi qbil mal-imsieħba soċjali, żewġ korpi kostitwiti ewlenin f’pajjiżna, li kienu preżenti fis-sala, mhumiex tal-istess fehma. F’reazzjoni mmedjata ma’ MaltaRightNow.com, l-Assoċjazzjoni ta’ Min Iħaddem (MEA) qalet li għalkemm il-miżura tal-Bolla ssemmiet f’xi laqgħat, għad iridu jistudjawha.

Min-naħa tagħha, il-Kamra tal-Kummerċ, l-Industrija u l-Intrapriża appellat għal aktar konsultazzjoni. Anke l-Ministru responsabbli mill-qasam tax-xogħol Evarist Bartolo, li ghalaq il-konferenza li fetaħ Muscat, ammetta li fuq ċerti miżuri mħabbra għad trid issir aktar diskussjoni, b’mod partikolari dwar il-miżura tal-Bolla.

Sadattant l-MEA ħarġet ukoll stqarrija b’reazzjoni għall-Politika Nazzjonali tax-Xogħol imħabbra mill-Gvern, u waqt li b’mod ġenerali qalet li taqbel ma’ din il-Politika, qajmet tliet punti ta’ tħassib.

L-ewwel tħassib hu li skont l-Assoċjazzjoni, iż-żieda fil-bolla kienet miżjuda fl-aħħar minuta u hemm bżonn konsultazzjoni qabel tiddaħħal fis-seħħ.

Tħassib ieħor tal-MEA hu dwar l-impatt li t-tnaqqis tal-benefiċċji lil persuni li ilhom jirreġistraw għax-xogħol għal iktar minn sentejn se jkollu fuq is-suq tax-xogħol. U t-tielet u l-aħħar tħassib ta’ din l-Assoċjazzjoni hu li d-dokument jonqos milli jindirizza l-livell ta’ impjiegi mal-Gvern li l-MEA stess issemmi li fl-aħħar 13-il xahar żdiedu b’1,400.

Aktar kmieni …

Il-Gvern se jgħolli l-Bolla li titħallas mill-employers biex jiffinanzja l-ispiża tal-leave tal-maternità. Dan tħabbar mill-Prim Ministru Joseph Muscat fil-bidu ta’ konferenza ta’ ġurnata li matulha tnediet il-politika nazzjonali dwar l-impjiegi. Muscat qal li l-ammont ta’ din iż-żieda, li tħabbret għall-għarrieda dalgħodu, se jkun determinat b’konsultazzjoni mal-għaqdiet ta’ min iħaddem.

Fost miżuri oħra li qed jipproponi l-Gvern fin-National Employment Policy, hemm li jkun hemm top-up tal-paga minima biex aktar nies jitħajjru jfittxu x-xogħol. Min-naħa l-oħra, min jirrifjuta opportunitajiet ta’ xogħol mhux se jibqa’ jingħata l-benefiċċju tal-qgħad. Dan ifisser li l-Gvern se jibda jaqta’ lin-nies minn fuq ir-Reġistru tal-Qgħad. Muscat tenna li l-Gvern għandu l-appoġġ tal-imsieħba soċjali kollha għal dawn il-miżuri. Fl-indirizz tiegħu, Muscat reġa’ qal ukoll li fl-ewwel sena, il-Gvern Laburista ħoloq disa’ postijiet tax-xogħol għal kull persuna li qed tirreġistra biex issib impjieg.

Sadattant, fl-indirizz tiegħu, Muscat reġa’ qal ukoll li fl-ewwel sena l-Gvern Laburista ħoloq disa’ postijiet tax-xogħol għal kull persuna li qed tirreġistra biex issib impjieg. Madankollu, fl-ebda ħin ma semma’ li l-Gvern mhux jirnexxielu jlaħħaq mad-domanda tax-xogħol fis-suq u għalhekk qed jiżdied il-qgħad xahar wara l-ieħor.

F’Marzu 2014: Il-qgħad fl-UE u fiż-Żona Ewro jonqos, f’Malta jiżdied

Waqt li kienet għaddejja l-konferenza, ħarġu l-aħħar ċifri uffiċjali tal-UE dwar il-qgħad fl-Ewropa. Dawn jerġgħu jikkonfermaw li f’Marzu, filwaqt li l-qgħad fl-Unjoni Ewropea u fiż-Żona Ewro naqas meta mqabbel ma’ sena ilu, f’Malta żdied. L-istatistika tal-Uffiċċju tal-Istatistika tal-UE (Eurostat) turi li f’Marzu 2014 il-qgħad fl-UE kien fil-livell ta’ 10.5% (tnaqqis ta’ 0.4%) fuq Marzu 2013, filwaqt li l-medja tal-qgħad fiż-Żona Ewro naqset b’0.2% għal 11.8%. Madankollu, f’Malta l-qgħad żdied minn 6.4% f’Marzu 2013 għal 6.8% f’Marzu 2014 (żieda ta’ 0.4%).

L-istatistika turi li l-qgħad naqas fi 15-il Stat Membru tal-UE, baqa’ l-istess fi tlieta, u żdied f’10 pajjiżi, fosthom Malta, li issa tinsab fis-sitt post fl-UE. Aktar minn hekk, l-istqarrija tal-Eurostat tikkummenta li l-qgħad madwar l-Ewropa ilu jonqos ftit ftit minn Diċembru 2013, xahar wara l-ieħor għal dawn l-aħħar erba’ xhur. Iżda anke hawn, Malta tmur kontra x-xejra Ewropea għax f’dawn l-aħħar erba’ xhur, il-qgħad żdied xahar wara l-ieħor bl-eċċezzjoni tal-aħħar xahar.

L-istess ċifri jagħtu rendikont ukoll tal-qgħad fost iż-żgħażagħ. F’dan il-każ, iċ-ċifra taż-żgħażagħ bla xogħol f’Malta tinsab fil-livell ta’ kwazi 14%.