Elezzjoni Parlament Ewropew 2014 Lokali

Il-kandidat għall-Presidenza tal-Kummissjoni Ewropea Jean Claude Juncker iżur Malta illum

Il-kandidat tal-Partit Popolari Ewropew (PPE) għall-Presidenza tal-Kummissjoni Ewropea Jean Claude Juncker illum se jżur Malta bħala parti mill-kampanja għall-elezzjonijiet tal-Parlament Ewropew. Juncker mistenni jiltaqa’ mal-Kap tal-Partit Nazzjonalista Simon Busuttil kif ukoll mal-Prim Ministru Joseph Muscat. Matul il-jum, Juncker se jindirizza wkoll konferenza tal-aħbarijiet mal-Kap tal-PN u se jagħmel intervent waqt attività politika tal-PN f’Ħ’Attard.

Għall-ewwel darba, ir-riżultat miksub fl-elezzjonijiet tal-Parlament Ewropew se jkollu impatt dirett fuq l-għażla ta’ President tal-Kummissjoni Ewropea, rwol important li jħalli impatt dirett fuq Malta. Jean Claude Juncker iġib miegħu esperjenza vasta fil-politika Ewropea. Juncker serva bħala Prim Ministru tal-Lussemburgu għal kważi 19-il sena u kien l-aktar mexxej ta’ Gvern li dam jattendi l-Kunsill Ewropew. Bħala mexxej ta’ pajjiż żgħir bħal Malta, Juncker bena relazzjoni eċċellenti ma’ pajjiżna fis-snin li għaddew.

L-islogan elettorali li qed juża Jean Claude Juncker għall-kandidatura tiegħu għall-Presidenza tal-Kummissjoni Ewropea hu “Esperjenza, Solidarjetà, Futur”.