Elezzjoni Parlament Ewropew 2014 Knisja Lokali

Il-Knisja titkellem dwar l-elezzjoni tal-Parlament Ewropew

Il-Knisja tagħmel ir-riflessjonijiet tagħha u tagħti r-raġunijiet ghaliex il-poplu ghandu johrog jivvota fl-elezzjoni ghall-Parlament Ewropew.

Il-Kummissjoni Interdjoċesana Ambjent, il-Karitas, il-Kummissjoni Emigranti, iċ-Ċentru Fidi u Ġustizzja, il-Kummissjoni Pastorali fid-Dinja tax-Xogħol u l-Kummissjoni Ġustizzja u Paċi qalu fi stqarrija li ħarġu flimkien li dawn l-elezzjonijiet huma mument importanti fl-istorja tal-UE anki fl-isfond tal-mewġa ta’ nazzjonaliżmu estrem li qed iqum f’diversi partijiet tal-Ewropa.

Din tista’ tissarraf f’tensjonijiet bejn popli differenti wara dak li għaddejna minnu matul is-snin tal-kriżi ekonomika. Il-Knisja fakkret li l-proġett Ewropew hu l-ewwel u qabel kollox proġett ta’ paċi mibni fuq is-solidarjetà.

Appell partikolari li għamlet il-Knisja hu biex id-diskors politiku f’din il-kampanja jibqa’ wieħed serju u meqjus u biex fuq kollox ir-rispett lejn id-dinjità tal-persuna jibqa’ valur ogħla minn kull messaġġ politiku.

Fl-isfond tal-ġid komuni, il-Knisja qalet li l-bniedem jibqa’ fiċ-ċentru tat-tagħlim soċjali u li r-rispett lejn id-dinjità tal-persuna trid tkun il-bażi li fuqha tinbena kull politika soċjo-ekonomika.

Il-ħajja għandha tiġi protetta mill-bidu nett sal-mument fejn il-bniedem itemm il-ħajja f’din id-dinja b’mod naturali. Kull stat membru għandu jibqa’ jgawdi awtonomija sħiħa fuq liġijiet li jirrigwardjaw dan, jgħidu l-Isqfijiet. Il-knisja enfasizzat ukoll l-importanza li l-familja tibqa’ tkun protetta. It-tfal għandhom jiġu mħarsa mir-riskju tal-faqar, kompliet il-Knisja, li qalet li llum fl-Unjoni Ewropew 20% tat-tfal jgħixu f’riskju ta’ faqar.

Fil-pożizzjoni tagħha l-knisja trattat l-ambjent u qalet li dan hu responsabbiltà ta’ kulħadd waqt li appellat biex il-poplu Malti jagħżel rappreżentanti li jagħrfu dan u li jpoġġu bħala prijorità l-ħarsien tal-ambjent.

Il-Knisja tkellmet ukoll dwar l-immigrazzjoni u ssostni li l-persuni li jidħlu fl-Ewropa għandhom jiġu trattati bl-akbar rispett dejjem u f’kull ħin.

Fl-istqarrija l-Knisja tkellmet ukoll dwar l-importanza tal-libertà reliġjuża u x-xogħol prekarju. Filwaqt li qalet li hu tal-mistħija li bħalissa fl-Ewropa hawn mas-sitta u għoxrin miljun ruħ bla xogħol, irrikonoxxiet li l-UE għaddejja minn maltempata ekonomika, u enfasizzat li għad hawn bżonn l-UE. Anzi l-prinċipji tas-solidarjetà, tas-sussidjarjetà u l-moviment ħieles tal-persuni u tas-suq għandhom ikomplu jissaħħu għax b’hekk biss ikun hawn paċi u ġustizzja.