L-ikbar ostaklu li għadhom isibu l-iżviluppaturi hi l-MEPA u l-burokrazija żejda biex jinħarġu l-permessi tal-iżvilupp. Dan joħroġ minn stħarriġ li għamlet l-Assoċjazzjoni Maltija tal-Iżviluppaturi, l-MDA, fost il-membri tagħha. Fil-fatt minn dan l-istudju joħroġ li l-iżviluppaturi qed jaffaċċjaw medja ta’ għaxar xhur stennija biex jinħarġilhom permess.
Ir-riżultati ta’ dan is-survey ġew ippreżentati minn uffiċjali tal-MDA lil delegazzjoni tal-Gvern, immexxija minn Michael Falzon, Segretarju Parlamentari għall-Ippjanar u Simplifikazzjoni Amministrattiva, u l-Kummissarju kontra l-Burokrazija Tony Agius Decelis.
Imma matul din il-laqgħa spikka n-nuqqas ta’ qbil bejn il-President tal-MDA Sandro Chetcuti u l-uffiċjali l-oħra tal-istess Assoċjazzjoni dwar jekk in-numri humiex persentaġġi.
F’messaġġ tul l-istess laqgħa, Chetcuti faħħar lill-Gvern tax-xogħol tiegħu u kkritika lil min, skont hu, “qed jipprova jbeżża’ u jparla fil-vojt.” Qal li l-MDA “qatt ma ppretendiet li jkollha monopolju.”
//= $special ?>