Elezzjoni Parlament Ewropew 2014 Lokali Unjoni Ewropea

Filmat: Il-pajjiż ikun f’territorju perikoluż jekk il-qgħad jilħaq is-7% – Juncker

Jekk il-qgħad f’Malta jilħaq is-7%, il-pajjiż ikun daħal f’territorju perikoluż u l-Gvern għandu joqgħod attent li s-sitwazzjoni ma taħrabx mill-kontroll tiegħu. Dan qalu il-kandidat tal-Partit Popolari Ewropew (PPE) għall-Presidenza tal-Kummissjoni Ewropea Jean Claude Juncker waqt konferenza tal-aħbarijiet konġunta mal-Kap tal-Oppożizzjoni u tal-Partit Nazzjonalista Simon Busuttil eżatt wara laqgħa bejniethom fid-Dar Ċentrali tal-PN.

Dan fl-isfond tal-aħħar statistika maħruġa llum stess mill-Eurostat, li tikkonferma li l-qgħad f’Malta kompla tiela’ u issa jinsab fir-rata ta’ 6.8%. Dan wassal biex f’dawn l-14-il xahar, Malta tilfet żewġ postijiet, mir-raba’ għas-sitt post, fost il-pajjiżi tal-UE bl-anqas rata ta’ qgħad.

Matul il-konferenza tal-aħbarijiet, Jean Claude Juncker tkellem dwar diversi suġġetti, fosthom dwar l-ekonomija Ewropea u l-ħtieġa tal-konsolidazzjoni fiskali, il-kriżi fl-Ukrajna u r-rispons tal-UE u l-immigrazzjoni. Dwar din tal-aħħar, Juncker qal li pajjiżi fil-fruntiera bħal Malta bir-raġun xebgħu jisimgħu wegħdiet fiergħa. Hu tenna li se jagħmel dak kollu possibbli biex l-Istati Membri juru solidarjetà fil-prattika.

Min-naħa tiegħu, il-Kap tal-PN Simon Busuttil qal li l-PN qed jappoġġja bis-sħiħ il-kandidatura ta’ Juncker bħala President tal-Kummissjoni Ewropea mhux biss għax hu l-kandidat tal-PPE li tiegħu jifforma parti l-PN jew għax hu ħabib kbir ta’ Malta, iżda wkoll għax kien għal diversi snin Prim Ministru ta’ pajjiż żgħir bħal Malta u jaf eżattament l-isfidi li jiffaċjaw il-pajjiżi żgħar. Simon Busuttil qal ukoll li Juncker għandu l-appoġġ tal-PN għax hu Ewropew konvint li jemmen bis-sħiħ fil-proġett Ewropew.

Il-Kap tal-PN tkellem dwar il-ħolqien tal-impjiegi, li hi tema kruċjali mhux biss fl-Ewropa iżda wkoll għal Malta, li teħtieġ aktar diversifikazzjoni fl-ekonomija bil-għan li jinħolqu iktar impjiegi. Simon Busuttil fakkar li din hi l-ewwel darba li l-elezzjonijiet għall-Parlament Ewropew madwar l-Ewropa kollha se jkollhom effett dirett fuq min se jkun qed imexxi l-Kummissjoni Ewropea. Hu qal li l-mira tal-PN hi li jeleġġi t-tielet Membru Parlamentari Ewropew u f’sitwazzjoni fejn il-PPE u s-Soċjalisti Ewropej jinsabu ferm qrib fl-istħarriġ tal-opinjoni pubblika, kull siġġu fil-Parlament Ewropew jista’ jkun kruċjali biex ikun deċiż min se jmexxi l-Kummissjoni Ewropea.

Sadanittant, aktar tard waranofsinhar, Jean Claude Juncker għamel żjara ta’ kortesija lill-Prim Ministru Joseph Muscat fil-Berġa ta’ Kastilja. Juncker, li serva bħala Prim Ministru tal-Lussemburgu għal 19-il sena, kien l-ewwel President tal-Eurogroup li jlaqqa’ flimkien lill-Ministri tal-Finanzi tal-pajjiżi fiż-Żona Ewro. Is-slogan elettorali li qed juża’ Jean Claude Juncker hu “Esperjenza, Solidarjetà, Futur”.