Elezzjoni Parlament Ewropew 2014 Lokali

Filmat: Il-PN se janalizza u jkun oġġettiv dwar il-proposti tal-Gvern dwar ix-xogħol

Din l-aħħar ġimgħa kienet ġimgħa ta’ kuntrast li fiha ħareġ ċar il-viżjoni tal-PN u n-nuqqas ta’ viżjoni tal-PL. Matul din il-ġimgħa ċċelebrajna sħubija ta’ Malta fl-UE, għax dakinhar il-PN għamel kisba għall-poplu sħiħ. Imma minkejja dan, il-PL ħoloq ostakli kbar u vvinta qlajjiet u gideb fuq l-Unjoni Ewropea.

Qal dan il-Kap tal-PN Simon Busuttil waqt laqgħa li saret f’Ħ’Attard bħala parti mill-kampanja Malta Aħjar bi tħejjija għall-elezzjonijiet tal-Parlament Ewropew fl-24 ta’ Mejju li ġej. Simon Busuttil fakkar kif illum, għaxar snin wara, minn 54% li vvutaw favur sħubija, issa l-ammont tela’ għal 75%. Fisser dan bħala prova oħra kemm kellu raġun il-PN u dawk li vvutaw iva.

Imma llum-il ġurnata l-Partit Laburista, sa minn ġimgħa qabel jum l-għaxar anniversarju mis-sħubija fl-Unjoni Ewropea mela moħħ il-poplu Malti li se jagħti aħbar tajba. Sejjaħ konferenza tal-aħbarijiet biex iħabbar prezz tal-petrol se jorħos 2 cents, wara li żiedu bl-istess prezz xahar qabel. Il-prezz tad-diesel baqa’ kif inhu.

Simon Busuttil tkellem ukoll dwar kif il-Gvern iħabbar xi ħaġa b’ħafna pompa imma meta tagħsru ma ssibx sugu. Semma l-Politika Nazzjonali tax-Xogħol li ħabbar Joseph Muscat lejliet l-elezzjoni tal-Parlament Ewropew u staqsa liema żerriegħa qed jiżra’ dan il-Gvern b’ħarsa lejn il-futur.

Simon Busuttil tkellem ukoll dwar l-istatistika tal-qgħad b’pajjiżna jaqa’ żewġ postijiet f’sena u xahrejn taħt Gvern Laburista.

Dan hu wkoll konsegwenza ta’ Gvern li ħoloq xogħol għal tal-qalba imma ma ħoloqx xogħol għan-nies qiegħda.

Fid-dawl ta’ dan Busuttil appella biex in-nies iwasslu messaġġ bil-vot tagħhom – lill-Partit Laburista messaġġ li l-vantaġġ fil-Parlament m’għandhomx jitilawlu għal rasu, u lill-PN biex taraw lill-Partit iqum fuq saqajh u jkun oppożizzjoni b’saħħitha u li, iva, 4 snin oħra hu possibbli rebħa fl-elezzjoni.

Matul id-djalogu tkellmu wkoll tliet kandidati tal-Parlament Ewropew f’isem il-Partit Nazzjonalista.

Kevin Cutajar qal li hu ddeċieda li jipparteċipa fil-Partit Nazzjonalista għax fis-36 sena tiegħu dejjem ra partit bl-aħjar viżjoni għal Malta. Qal li l-Partit Nazzjonalista għamel rivoluzzjoni siekta għax investa ħafna fil-poplu Malti u għaliex kellu mexxejja kbar li għamlu kisbiet kbar għal pajjiżna.

Stefano Mallia qal li l-messaġġ ta’ Juncker, fejn qal li hu onorat bl-UE jikkuntrasta ma’ dak li kien jgħid Alfred Sant għaxar snin ilu fejn kien jinqeda b’diskors negattiv fuq l-UE, persuna li kien jgħajjar lill-poplu Malti bħala makku. Imma d-deċiżjoni tal-Partit Nazzjonalista u l-poplu li nidħlu fl-UE sarrfet biex illum ħloqna opportunitajiet kbar għal min dakinhar kien għadu tifel. Għalhekk staqsa x’kien jiġri kieku ma ħadniex dan il-pass.

Minn naħa tiegħu Jonathan Shaw stqarr li hu jemmen f’pajjiżna, fil-Partit Nazzjonalista u konvint fl-Unjoni Ewropea. Dan għaliex jixtieq jara lil pajjiżna jikseb suċċess internazzjonalment u għalhekk niksbu rispett. Hu tkellem dwar l-importanza li l-politiċi li joħolqu futur għal uliedna, futur ta’ żgħażagħ attivi u politiċi li jirrispettaw l-ambjent. Qal li biex dan kollu jseħħ, bħala pajjiż irridu nkunu parteċipi u għalhekk il-politika hi l-palk ideali biex iwettaq dan.