Il-Pulizija talbu parir mingħand il-Federazzjoni Kaċċaturi Nassaba Konservazzjonisti biex jaraw kif se jittrattaw il-każ tal-preżentatur tal-BBC Chris Packham. Barra minn hekk, ittra li rċeviet il-Birdlife mingħand il-Kummissarju għall-Protezzjoni tad-Data tqajjem każ ta’ kunflitt ta’ interess.
Dan skont l-għaqda Birdlife Malta, li wara nofsinhar indirizzat konferenza tal-aħbarijiet fis-riserva naturali tas-Simar fix-Xemxija fl-okkażjoni tal-għeluq tal-istaġun tal-kaċċa fir-Rebbiegħa.
Il-konferenza stampa kienet indirizzata mid-Direttur Eżekuttiv tal-Birdlife Steve Micklewright u mill-Conservation Manager Nicholas Barbara. L-għaqda qed tgħid li meta s-Surġent tal-Pulizija wasal fil-post fejn Packham twaqqaf milli jiffilmja lill-kaċċaturi, is-Surġent ċempel lill-Kumitat tal-FKNK biex jistaqsi kif għandu jittratta s-sitwazzjoni.
Filwaqt li spjega li l-Birdlife irċeviet ittra mingħand il-Kummissarju għall-Protezzjoni tad-Data wara li l-FKNK fetħet protest ġudizzjarju kontra l-preżentatur Ingliż, Steve Micklewright qal li f’din l-ittra hemm każ ta’ kunflitt ta’ interess. Dan minħabba li waħda mill-persuni li wkoll irċeviet l-ittra kienet Avukat fl-uffiċju legali tal-Ministru tal-Intern u s-Sigurtà Nazzjonali Manwel Mallia. Micklewright qal li bħala l-Ministru responsabbli mill-Pulizija, ma kellu qatt ikun involut fi kwistjoni delikata bħal din.
Sadanittant, mistoqsi dwar dak li qalu l-uffiċjali tal-Birdlife, is-Segretarju tal-FKNK Lino Farrugia ċaħad, filwaqt li sostna li l-Uffiċjal Pulizija li ssemma mill-Birdlife kien qed jitħallas mill-FKNK biex jagħmel għassa fiż-żona fejn seħħ il-każ.
Farrugia qal li mhux veru ċempel lill-FKNK, iżda lill-Ispettur Jurgen Vella, li tah l-istruzzjonijiet ta’ x’għandu jagħmel. Qal li minkejja li ż-żona tinsab fuq art pubblika, matul il-ħinijiet tal-kaċċa hi mmexxija mill-FKNK. Skont Farrugia, il-każ seħħ għax Packham kien qed jidħol f’art li mhux suppost daħal fiha u pprovoka lill-kaċċaturi meta beda jiffilmjahom f’wiċċhom.
//= $special ?>

