Il-Qorti tal-Appell Kriminali preseduta mill-Imħallef David Scicluna irrevokat sentenza mogħtija f’Marzu tas-sena l-oħra u ordnat lill-Prosekuzzjoni biex tirregolarizza l-pożizzjoni tagħha dwar id-data tal-inċident, kif qed tidher fuq il-karta preżentata mill-Pulizija.
Il-Qorti tal-Appell ordnat biex każ dwar inċident tat-traffiku li seħħ seba’ snin ilu jerġa’ jibda’ jinstema quddiem il-Qorti tal-Maġistrati biex il-Prosekuzzjoni tirregolarizza l-pożizzjoni tagħha fuq id-data attwali tal-inċident.
Fis-sigħat bikrin tal-14 ta’ Novembru tal-2007, Antoine Caruana kien qed isuq il-karozza tiegħu Hyundai Stellar minn Triq il-President Anton Buttigieig, fiż-Żejtun, meta huwa laqat lil Benedetto Camilleri. Il-vittma kien ċeda għall-ġrieħi gravi li sofra minnhom l-Isptar.
L-Ispettur kien xela’ lis-sewwieq bi qtil involontarju u fit-13 ta’ Marzu tas-sena l-oħra Caruana kien instab ħati u ġie kundannat sentejn ħabs sospiżi għal erba’ snin u mmultat €2,000. Huwa kien ordnat ukoll iħallas €1,770 fi spejjeż tal-Qorti. Disa’ t’ijiem wara Caruana kien appella mis-sentenza.
Id-difiża argumentat li skont l-akkuża tal-Pulizija l-inċident seħħ fl-14 ta’ Novembru 2007. Madankollu l-provi kollha ppuntaw għall-fatt li l-inċidenti kien seħħ fl-14 ta’ Settembru 2007 u li fid-data li semmew il-Pulizija ma kienu seħħew l-ebda inċidenti.
Il-Qorti tal-Appell qalet li filwaqt li huwa minnu li d-data tal-Pulizija kienet żbaljata, l-akkużat kien konxju tal-inċident li kien seħħ u li huwa kien jaf li d-data ta’ Novembru kienet waħda ħażina. Ingħad li d-difiża iżda fis-sottomissjonijiet tagħha ma semmiet xejn dwar id-dinamika tal-inċident.
Filwaqt li l-ewwel Qorti ma setgħet qatt tikkundanna lil xi ħadd fuq inċident li qatt ma seħħ fid-data msemmija mill-Pulizija, il-Qorti tal-Appell lanqas tista’ tilliberaħ kompletament, minħabba li l-akkużat kien jaf fuq liema proċeduri wieħed qed jitkellem.
//= $special ?>

