Qorti

Illiberat bil-kundizzjoni fuq pusses ta’ ecstasy wara appell mill-Avukat Ġenerali

Justin Joseph Darmanin, ta’ 28 sena minn Ħad-Dingli, ġie lliberat bil-kundizzjoni li ma wettaqx reat ieħor fi żmien tliet xhur mill-Qorti tal-Appell wara li nstab ħati ta’ pusses ta’ ecstasy f’Awwissu tal-2007. Hu kien ġie illiberat mill-Qorti tal-Maġistrati f’Novembru 2012 fuq pusses ta’ droga wara li l-istess Qorti kienet injorat l-istqarrija li kien ta lill-Pulizija minħabba li ma kienx ingħata d-dritt għal għajnuna legali waqt l-istadju tal-interogazzjoni.

Madankollu, l-Avukat Ġenerali kien appella minn din id-deċiżjoni u l-każ instema’ quddiem l-Imħallef Lawrence Quintano. Fil-Qorti, l-Ispettur Pierre Grech qal li l-Pulizija kellha informazzjoni li Darmanin kien qed jabbuża mid-droga. Minkejja li ngħata s-solita twissija u d-dritt li jibqa’ sieket waqt l-interogazzjoni, Darmanin xorta waħda rrilaxxa żewġ stqarrijiet. Għall-ewwel hu ċaħad li kien ħa l-pilloli, iżda meta kien imfakkar li kien ammetta ma’ Uffiċjali oħra tal-Pulizija dwar il-każ, hu ammetta li hu minnu li kien abbuża mill-pilloli ecstasy u wieġeb “sew qed tgħid, dak li għadek kemm għedt hu minnu”.

Madankollu, hu kien ikkonkluda l-ewwel stqarrija billi qal li ma ħa l-ebda pillola u ma kienx konxju ta’ dak li qal meta ammetta. Mumenti wara, Darmanin innifsu talab biex jitkellem mal-Ispettur Investigattiv u qallu li kien ħa żewġ pilloli u li xahrejn qabel kien abbuża wkoll mill-pilloli ecstasy. Meta kien fil-kustodja tal-Pulizija, Darmanin deher konċentrat u f’sensih sew. “Dawk li jkunu taħt l-effett ta’ xi sustanza, l-ewwel jittieħdu l-Isptar biex jirkupraw u mhux jiġu interrogati”, qal l-Ispettur. L-Avukat Ġenerali appella fuq il-fatt li l-akkużat kien ammetta fl-istqarrija li kien ta lill-Pulizija. Aktar minn hekk, hu lanqas ma kien persuna vulnerabbli u li l-Pulizija ma kisritlu l-ebda dritt.

Il-Qorti tal-Appell qalet li fiż-żmien tar-reat, Darmanin kien persuna matura li kien diġà kkundannat il-ħabs fuq offiżi oħrajn. Il-Qorti qalet li “hu kien konxju ta’ kif isiru l-proċeduri investigattivi u jaf sew kif għandu jagħti stqarrijiet lill-Pulizija. Għalhekk ma jistax jiġi kklassifikat bħala persuna vulnerabbli u li l-ebda dritt tiegħu ma ġie vjolat”.