Elezzjoni Parlament Ewropew 2014 Lokali

Il-Ġimgħa l-aħħar jum tat-tqassim tad-Dokumenti tal-Vot fid-djar

Fost l-aktar li ma tqassmux hemm San Pawl il-Baħar, il-Belt, San Ġiljan u Tas-Sliema

Illum hi l-aħħar ġurnata tat-tqassim tad-Dokumenti tal-Vot fid-djar mill-Pulizija. It-tqassim tad-Dokumenti tal-Votazzjoni għall-elezzjoni tal-Parlament Ewropew ilu għaddej mit-12 ta’ April kuljum, inkluż is-Sibtijiet u l-Ħdud, bl-eċċezzjoni tat-tlett ijiem bejn il-Ġimgħa l-Kbira u Ħadd il-Għid.

Sal-bieraħ filgħaxija, kien għad hemm kważi 54,000 dokument tal-vot li ma tqassmux, li jammonta għal 16% minn total ta’ 343,300 eliġibbli biex jivvutaw fl-elezzjoni tal-24 ta’ Mejju skont l-aħħar Reġistru Elettorali. Il-lokalità fejn l-aktar li kien hemm voti mhux miġbura hi San Pawl il-Baħar, fejn għadhom ma tqassmux kważi 5,400 vot (aktar minn 40%).

Wara, jiġu Marsalforn u ż-Żebbuġ f’Għawdex b’39%, imbagħad il-Belt b’31%, il-Kalkara b’29%, San Ġiljan b’27%, l-Għarb f’Għawdex b’26%, Tas-Sliema u l-Fontana f’Għawdex b’24% u l-Imġarr u s-Swieqi. Min-naħa l-oħra, mit-total ta’ 290,000 Dokument tal-Vot imqassma mill-Pulizija, l-aktar lokalitajiet fejn tqassmu voti kienu Ħal Balzan u San Lawrenz f’Għawdex, segwiti minn Ħal Safi, Ħal Kirkop, Marsaxlokk u Ħaż-Żebbuġ.

Wara li fid-9pm tal-lum jintemm it-tqassim tad-Dokumenti tal-Vot fid-djar, id-Dokumenti tal-Vot li jkun għad fadal mhux imqassma jkunu jistgħu jinġabru biss mill-Għases tal-Pulizija fil-lokalitajiet. Fejn m’hemmx Għassa tal-Pulizija, id-Dokumenti tal-Vot jinġabru mill-Uffiċċji tal-Kunsill Lokali.

Minbarra l-elezzjoni għall-Membri Parlamentari Ewropej, fl-24 ta’ Mejju se jsiru elezzjonijiet ukoll biex jiġu eletti ħames Kumitati Amministrattivi fil-komunitajiet. F’dan il-każ, ir-residenti tal-hamlets li għandhom elezzjoni jistgħu jivvutaw sempliċiment bil-Karta tal-Identità.