Adrian Darmanin ta’ 35 sena minn Ħaż-Żebbuġ ġie mmultat €700 u kellu l-liċenzja tas-sewqan tiegħu sospiża għal tliet xhur wara li nstab ħati li weġġa’ serjament anzjan permezz ta’ sewqan traskurat.
Fit-8 ta’ Mejju, 2010, għall-ħabta tas-12:45pm, Darmanin kien qed isuq is-Citroen tiegħu fi triq il-Kbira Ħaż-Żebbuġ meta laqat lil Gaudenzio Cilia ta’ 84 sena, li sofra minn ġrieħi serji.
Darmanin qal fil-Qorti li huwa kien qed isuq wara trakk li f’daqqa waħda pparkja. Huwa kien qabeż lil dan it-trakk u sema’ ħoss. Kif ħareġ mill-karozza huwa ra lil Cilia b’idejh mwaħħla mal-bieba tat-trakk u meta hu fetaħ il-bieba, l-anzjan waqa’ mal-art.
Minn naħa tiegħu l-vittma qal li hu kien fit-triq meta ntlaqat minn Darmanin. Il-Qorti qalet li ma tistax temmen il-verżjoni ta’ Darmanin minħabba li huwa mpossibbli li raġel ta’ dik l-eta’ ħareġ mill-kabina fil-ħin li inqabeż mis-Citroen u ntlaqat kif qal l-istess Darmanin.
Fil-fatt l-akkużat fl-ebda mument ma qal li huwa kien ra lil Cilia qal il-Maġistrat Ian Farrugia, li sema’ l-każ. Waqt il-proċedura d-difiża argumentat li l-Pulizija ħalliet lis-sewwieq tat-trakk iħalli l-post tal-inċident, u wara talbitu jmur lura biex tiġi rrikostruwita x-xena.
Il-Prosekuzzjoni ċaħdet din l-allegazzjoni li l-Qorti emmnet u fil-fatt wissiet lill-uffiċjali li m’għandhomx jirrepetu affarijiet bħal dawn fil-futur. Il-Qorti sabet lil Adrian Darmanin ħati u qaltlu biex ikun responsabbli u joqgħod attent meta jsuq. Il-Prosekuzzjoni tmexxiet mill-Ispettur Robert Agius.
//= $special ?>

