Internazzjonali

Ir-ribelli għadma iebsa għall-militar Ukren

Ir-ribelli favur l-għaqda mar-Russja lbieraħ matul il-ġurnata waqqgħu żewġ ħelikopters tal-Armata Ukrena. Dan waqt ħidma mill-Armata Ukrena biex jieħdu l-kontroll tal-belt ta’ Sloviansk.

Wieħed mill-bdoti nqatel filwaqt li ieħor inqabad priġunier. Rapporti qalu li dawn il-ħelikopters twaqqgħu permezz ta’ missili għal kontra l-ħbit mill-ajru.

Tard ilbieraħ, il-Gvern Ukren qal li nofs il-belt ta’ Sloviansk kienet ikkontrollata mill-militar Ukren iżda ma kien hemm ebda konferma indipendenti ta’ dan u r-ribelli jsostnu li kienu għadhom qed jikkontrollaw huma.

Ir-Russja wissiet li l-użu tal-Armata kontra l-poplu Ukren stess kien qed iwassal lill-Ukrajna lejn diżastru.

Hemm ħafna tħassib fil-komunità internazzjonali li dawn l-aħħar żviluppi se jkomplu jkabbru l-possibbiltà ta’ xi tip ta’ intervent militari Russu fl-Ukrajna.

Sloviansk titqies bħala l-fortizza ewlenija ta’ dawk li jridu l-għaqda mar-Russja u aktar ma jgħaddi ż-żmien, aktar qed ikabbru l-kontroll fuq bliet ewlenin fil-Lvant tal-Ukrajna.
Sadattant kien hemm rapporti li diversi ġurnalisti kienu arrestati fi Sloviansk.

F’belt oħra ewlenija f’idejn ir-ribelli, dik ta’ Donestsk, iċ-ċentru ta’ kontroll tal-ferroviji lokali spiċċa f’idejn ir-ribelli bil-konsegwenza li l-ivvjaġġar fir-reġjun tħarbat.

Ftit qabel ma bdiet il-ħidma militari fi Sloviansk, il-President Ukren Olexandr Turchynov ħabbar li fil-pajjiż reġgħet kienet introdotta l-lieva. Hu qal li l-militar Ukren ma kellux is-saħħa biex irażżan l-inkwiet f’partijiet tal-Lvant tal-Ukrajna u issa l-għan kien li l-inkwiet jitrażżan.
Hu qal ukoll li l-forzi tas-sigurtà kienu fuq allert massimu fost tħassib li truppi Russi jistgħu jinvadu l-pajjiż.

Hu stmat li hemm madwar 40,000 suldat Russu stazzjonati tul il-fruntiera tal-Ukrajna.
Il-Lvant tal-Ukrajna għandu parti kbira tal-popolazzjoni li titkellem bir-Russu u b’rabtiet mar-Russja, u kienet il-fortizza tal-eks-President Viktor Yanukovych li tneħħa mill-poter fi Frar.