Is-Sibt fid-9pm fl-Olimpico ta’ Ruma tintlagħab il-finali tal-Coppa Italia bejn Fiorentina u Napoli, żewġ timijiet li kellhom staġun pożittiv fis-Serie A fejn Napoli huma ċerti mit-tielet post filwaqt li l-Viola jinsabu tmien punti warajhom fir-raba’ post.
Għaż-żewġ kowċis dan se jkun l-ewwel ċans li jirbħu l-ewwel unur mat-tim li jmexxu.
Vincenzo Montella ta’ Fiorentina inħatar kowċ fl-2012 u staġun ilu kien mexxa lit-tim sar-raba’ post waqt li reġa’ ikkonferma l-potenzjal tiegħu.
Min-naħa tiegħu Rafa Benitez ta’ Napoli se jkun qed jipprova jirbaħ unur fl-ewwel sena tiegħu mal-klabb. Jekk il-kowċ Spanjol jirbaħ il-Coppa Italia, ikun it-tieni unur f’sentejn konsekuttivi wara li f’Mejju tal-2013 rebaħ l-Europa League ma’ Chelsea.
Napoli għadhom mhux ċerti jekk l-attakkant Gonzalo Hugain hux se jilħaq jirkupra għal din il-partita wara li weġġa’ nhar is-Sibt fid-draw 0-0 kontra Inter. Jekk jitlef dan il-konfront, tkun daqqa ta’ ħarta kbira għal Napoli, speċjalment meta wieħed jikkunsidra li Higuain hu l-aqwa skorer tat-tim b’24 gowl. Fl-aħħar ħarġa Fiorentina sabuha faċli biex rebħu 3-0 kontra Bologna. Huma se jkollhom jgħaddu mingħajr l-attakkant Mario Gomez li ironikament weġġa’ f’Marzu kontra l-istess Napoli f’logħba tal-kampjonat.
Fl-ewwel rawnd tal-kampjonat Fiorentina kienu tilfu 2-1 f’darhom kontra Napoli filwaqt li fit-23 ta’ Marzu pattew għal dik it-telfa meta rebħu 1-0 fis-San Paolo.
Biex waslu sal-finali Napoli eliminaw lil Atalanta, Lazio u Roma. Il-Viola eliminaw lil Chievo, Siena u Udinese. In-Naplitani se jkunu qed ifittxu li jirbħu dan l-unur għall-ħames darba filwaqt li Fiorentina s’issa rebħu din it-tazza sitt darbiet.
Il-Kampjonat tas-Serie A jintlagħab bejn għada u t-Tlieta.
//= $special ?>

