Ekonomija

Is-swieq finanzjarji Ewropej ikomplu jissaħħu b’ritmu kajman

Hekk kif komplew ħerġin aħbarijiet li kumpaniji kbar Ewropej qegħdin f’negozjati biex jixtru kumpaniji iżgħar li huma kompetituri tagħhom, is-swieq finanzjarji Ewropej komplew jissaħħu. Madankollu, mhux qed jissaħħu bħalma konna drajna fis-sena li għaddiet. Dak ir-ritmu qawwi li rajna s-sena li għaddiet mhux qed iseħħ matul din is-sena. Fl-ewwel erba’ xhur tas-sena rajna diversi żidiet, iżda tnaqqis ukoll. Il-bilanċ kien wieħed pożittiv.

Bosta analisti stqarrew li l-inkwiet u t-tensjoni fl-Ukrajna mhux qed jagħtu dik il-fiduċja li konna rajna fl-aħħar xhur u għaldaqstant is-swieq qed jaraw titjib żgħir. Jidher li fis-swieq hemm ħafna flus lesti biex jiġu investiti, tant li bosta bonds qed jinħatfu hekk kif jinħarġu għall-pubbliku.

Ir-Royal Bank of Scotland ra l-profitti tiegħu jittripplaw. Dan wassal biex il-prezz tal-ishma żdied sew. Il-kumpanija Ingliża tal-farmeċewtika AstraZeneca rrifjutat offerta ta’ aktar minn $106 biljun mingħand kumpanija Amerikana bl-isem ta’ Pfizer biex issir parti mill-grupp Pfizer. L-Ingliżi qalu li din l-offerta hi waħda baxxa meta wieħed iqis il-potenzjal li toffri AstraZeneca.

Il-qgħad f’bosta pajjiżi fl-Ewropa ma żdiedx matul April u dan wassal biex il-munita ewro ssaħħet bi ftit. L-ishma tal-kumpanija li tmexxi lil Manchester United kienu ssaħħu b’10% malli dawn bidlu l-Manager, iżda fl-aħħar jiem il-prezz reġa’ niżel u ġie fejn kien qabel.

Fil-Greċja avvanza sew il-proċess ta’ privatizzazzjoni ta’ banek li kienu se jfallu u ġew salvati. Id-domanda għal ishma ta’ ċerti banek kienet kważi tliet darbiet aktar mill-offerta. Dan għandu jwassal biex l-ekonomija Griega tirkupra aktar malajr.

Il-prezzijiet tal-bonds baqgħu f’livelli għoljin. Analisti qed jgħidu li l-prezz tal-kafè jidher li se jogħla fix-xhur li ġejjin, hekk kif maltemp qered ħafna minn dan il-prodott fl-Amerka ta’ Isfel.

Dan ir-rapport hu miġjub lilkom minn MPM Capital Investments Ltd – www.mpmci.net – tel: 21493250