Internazzjonali

It-tfittxija tista’ ddum sena

L-uffiċjali li qed imexxu t-tfittxija għall-ajruplan tal-Malaysian Airlines żvelaw li biex issir tfittxija fiz-zona kollha tal-Oċean Indjan fejn hu maħsub li ġġarraf l-ajruplan, se jkun hemm bżonn sena.

Waqt żjara fil-Malasja, l-Awstraljan Angus Houston, qal li kien fiduċjuż li l-ajruplan kien se jinstab jekk it-tfittxija ssir kif suppost.

Il-ġimgħa d-dieħla se ssir laqgħa f’Canberra bejn uffiċjali Awstraljani, Malasjani u ?iniżi biex jiddiskutu t-tfittxija. F’din il-laqgħa se jkun deċiż x’se jkun il-pass li jmiss. It-tfittxija mill-ajru għall-ajruplan issa twaqqfet u l-enfasi se tkun fuq tfittxija f’qiegħ tal-baħar.

Il-Ħamis, rapport tal-Gvern Malasjan żvela li kien hemm distakk ta’ erba’ sigħat bejn l-għajbien tal-ajruplan fuq Titjira MH370 u l-bidu tat-tfittxija għalih. Skont rapport preliminari tal-Ministeru tat-Trasport Malasjan, jirriżulta li l-kontrolluri tat-traffiku tal-ajru Malasjani ma indunawx li l-ajruplan kien għeb sa 17-il minuta wara li ma baqax jidher fuq ir-radar.

L-ajruplan kellu 239 persuna abbord u għeb waqt vjaġġ minn Kuala Lumpur lejn Beijing fit-8 ta’ Marzu. S’issa minkejja diversi rapporti li ntlemħu affarijiet f’wiċċ il-baħar u oġġetti kbar f’qiegħ il-baħar, ma nstab xejn minnu.

L-uffiċjali jemmnu li l-ajruplan iġġarraf fl-Oċean Indjan barra l-kosta tal-port Awstraljan ta’ Perth – eluf ta’ kilometri bogħod mir-rotta li suppost kien qed jivvjaġġa fiha iżda mhux magħruf għaliex ġara dan.

Sadanittant il-Malaysian Airlines talbet lill-qraba tal-passiġġieri li kienu qed joqogħdu f’lukanda f’Kuala Lumpur minn mindu seħħet it-traġedja, biex imorru lura pajjiżhom.