Jekk il-Gvern m’għandux x’jaħbi, allura l-Ministru għas-Saħħa għandu minnufih jippubblika l-investigazzjoni interna li għandu f’idejh u li tmexxi mis-Segretarju Permanenti appuntat politikament, ieħor minn tal-qalba. Dan fih innifsu jqajjem aktar dubju milli jserraħ ras in-nies. Fi stqarrija, il-Partit Nazzjonalista qal li wara ġimgħat sħaħ ta’ lmenti kontinwi dwar diskriminazzjoni politika fl-għoti tal-mediċini b’xejn, il-Ministru għas-Saħħa issa qed jipprova jbellagħha lill-poplu Malti u Għawdxi li ma teżistix din id-diskriminazzjoni.
L-istejjer dwar diskriminazzjoni politika fl-għoti tal-mediċini b’xejn ilhom jiġu ppubblikati fil-media għal xhur sħaħ. Il-Ministru għas-Saħħa qed jippretendi li issa l-media għandha tieħu l-kelma tiegħu li dan mhux il-każ abbażi ta’ rapport magħmul internament b’għaġla kbira lejliet l-elezzjoni tal-Parlament Ewropew, u li ma ġiex ippubblikat. L-iskandli rrappurtati fil-media indipendenti dwar diskriminazzjoni politika fl-għoti tal-mediċini b’xejn jikxfu abbuż ta’ poter fuq individwi fl-aktar aspett vulnerabbli tagħhom.
Anke fl-għoti tal-mediċini, il-Gvern Laburista qed jifred lil tal-qalba mill-bqija tal-poplu Malti u Għawdxi, ikun x’ikun it-twemmin politiku tagħhom, ittemm tgħid l-istqarrija.
//= $special ?>