Twissija ċara mill-Kandidat għall-Presidenza tal-Kummissjoni Ewropea Jean Claude Juncker lil pajjiżna – biex pajjiż joħloq ix-xogħol irid jikkontrolla u jnaqqas id-deficit u d-dejn tiegħu kif kien qed jagħmel l-eks Prim Ministru Lawrence Gonzi.
Messaġġ li Jean Claude Juncker għaddieh waqt djalogu politiku bħala parti mill-kampanja Malta Aħjar lejn l-elezzjonijiet tal-Parlament Ewropej fl-24 ta’ Mejju li ġej.
Juncker wissa biex pajjiżna joqgħod attent mill-qgħad għax meta l-qgħad ilaħħaq livelli għolja ma jfissirx awtomatikament li se jieqaf hemm.
Juncker qal li jekk jara żieda ta’ 0.2% oħra fil-qgħad, inkunu qed nirriskjaw li nitilfu l-kontroll tal-qgħad.
Hu tkellem ukoll dwar l-importanza assoluta li hu se jagħti lix-xogħol jekk il-votanti tal-pajjiżi fl-Unjoni Ewropea jagħtu fiduċja lill-Partit Popolari Ewropew, u allura jagħżlu lilu bħala President tal-Kummissjoni Ewropea.
Dan għaliex jekk ikollna ħafna żgħażagħ bla xogħol, nitilfu ġenerazzjoni sħiħa. Qal ukoll li din għalih hi esperjenza personali hekk kif missieru kien suldat, tilef żogħżitu u allura ma jridx lill-ġenerazzjoni li jmiss jiġrilha l-istess.
Tkellem ukoll dwar iż-żjara tiegħu f’Malta u qal li hu pjaċir tiegħu li jerġa’ lura f’Malta. Tkellem ukoll dwar il-konvinzjoni tiegħu li kull pajjiż fl-Unjoni Ewropea jżomm id-diversità kulturali tiegħu. Nemmen bis-sħiħ li għandkom iżżommu lsien pajjiżkom bħala lingwa tagħkom, u wkoll lingwa tal-Unjoni Ewropea, kompla Juncker.
Qal ukoll li hu dejjem ħadem mill-qrib mal-eks Prim Ministru Lawrence Gonzi għaliex dejjem emmen li Malta għandha xi ħaġa importanti x’toffri lill-Unjoni Ewropea. Għalhekk appella lill-poplu Malti joħroġ jivvota għaliex kull votant jista’ jinfluwenza wkoll id-deċiżjonijiet.
Juncker għandu rabta mill-qrib ma’ Malta għaliex hu kien ukoll Prim Ministru ta’ pajjiż żgħir bħal pajjiżna, il-Lussimburgu, li wkoll jaffaċċja problemi simili għal tagħna. Fost l-oħrajn il-Lussimburgu affaċċja l-problema tal-immigrazzjoni mill-Kosovo. Fisser il-problema tal-immigrazzjoni bħala waħda mifruxa mal-Unjoni Ewropea kollha u għalhekk irid jaħdem biex itejjeb is-sitwazzjoni.
Minn naħa tiegħu l-Kap tal-Partit Nazzjonalista Simon Busuttil ukoll tkellem dwar l-importanza li l-poplu Malti jivvota lill-kandidati tal-Partit Nazzjonalista għaliex il-poplu Malti se jkun qed jiddeċiedi wkoll jekk iridx President tal-Kummissjoni Ewropea li għal snin twal ħadem qrib Malta, u allura lil Jean Claude Juncker, jew inkella lill-Kap tal-Partiti tas-Soċjalisti Martin Schulz.
//= $special ?>