Il-Qorti tal-Appell Kriminali, ippreseduta mill-Imħallef David Scicluna, bidlet sentenza ta’ tliet snin ħabs mogħtija mill-Qorti tal-Maġistrati għal waħda ta’ sentejn ħabs sospiżi għal erba’ snin wara li ma nstabx ħati ta’ frodi u lanqas li wettaq ħsarat fuq il-kompjuters tal-kumpanija Miller, il-post fejn kien jaħdem.
Il-Qorti Kriminali, ippreseduta mill-Maġistrat Miriam Haymen, kienet sabet lil Robert Gafà ħati ta’ diversi akkużi, fosthom li seraq u ffroda lill-kumpannija Miller Distributors li kienet timpjegah fl-2001. Il-Qorti tal-Appell lanqas ma sabitu ħati tal-ħsara volontarja li wettaq f’din il-kumpannija, li kellha valur li jeċċedi l-€510,000. Hu nstab ħati li seraq diversi oġġetti li kienu propjetà tal-istess kumpanija u li għamel qligħ mill-bejgħ tagħhom.
Il-Qorti tal-Appell qalet li l-Qorti tal-Maġistrati għamlet ċerta kunsiderazzjonijiet biex sabet il-ħtija. Qalet li l-azzjonijiet ta’ Robert Gafà fil-konfront tal-photocopier paper li xtara f’isem Millers u biegħ lil terzi persuni bi qliegħ għalih a preġudizzju ta’ Millers Distributors jikkostitwixxi f’reat ta’ miżappropjazzjoni. Bħala Distribution Manager, hu kien igawdi minn pożizzjoni ta’ fiduċja mal-kumpanija. Il-Qorti qalet li hu dawwar bi qliegħ għalih il-fiduċja li tagħtu l-istess kumpanija. Hu lanqas ma nstab ħati li pprova jtajjar is-sistema tal-kompjuters tal-kumpanija.
Kif qal hu stess, il-Qorti ma tagħtux il-piż li kien first-time offender u li jsofri minn epileptic fits, kif ukoll li jgħin lil oħtu li tbati minn cerebral palsy. Il-Qorti qalet ukoll li hu rakkomandabbli li Gafà jfittex għajnuna ta’ psikologu. Il-Qorti tal-Appell qalet li minkejja dan, ma tqisux bħala persuna li hu xi forma ta’ theddida lejn is-soċjetà. Minbarra sentenza sospiża, il-Qorti qalet ukoll li qed tpoġġi lil Gafà fuq ordni ta’ superviżjoni u poġġietu taħt il-ħarsien ta’ Uffiċjal tal-Probation għal erba’ snin.
Għal Gafa deher l-avukat Arthur Azzopardi.
//= $special ?>

