Fi Franza splodiet polemika wara li qorti rrifjutat l-adozzjoni ta’ tifla minn żewġ nisa omosesswali.
Imħallfin f’Versailles irrifjutaw talba ta’ mara omosesswali li tadotta tifel ta’ erba’ snin li twieled il-Belġju permezz tal-IVF jew inseminazzjoni artifiċjali mill-maħbuba tagħha.
Il-liġi Franċiża tippermetti li tingħata għajnuna medika biex mara twelled biss f’każi ta’ koppji eterosesswali u li għandhom xi diffikultà biex ikollhom it-tfal.
Il-koppja fil-kawża kienet tal-fehma li l-leġiżlazzjoni taż-żwieġ bejn koppji omosesswali li daħlet fis-seħħ fi Franza fl-2013 kienet tipprovdi wkoll għall-adozzjoni ta’ tfal li jkun twieldu barra l-pajjiż permezz tal-IVF.
Imma l-liġi mhix daqshekk ċara u d-deċiżjoni finali tħalliet f’idejn l-Imħallfin.
Il-President Franċiż Francois Hollade għall-ewwel kien wiegħed li dan se jkun permess ladarba jidħlu ż-żwiġijiet bejn nies tal-istess sess. Imma wara l-protesti kbar kontra ż-żwieġ bejn in-nies tal-istess sess, biex jipprova jikkalma s-sitwazzjoni kien ħalla l-parti li tillegalizza t-twelid permezz tal-IVF għal koppji omosesswali barra.
L-Imħallfin f’Versailles qalu li dak li għamlet din il-koppja kien frodi tal-liġijiet. Il-koppja min-naħa tagħha qalet li kienet se tappella u kellha l-intenzjoni li jkollha tarbija oħra barra mill-pajjiż permezz tal-IVF.
Il-Belġju sar post favorit għal nisa omosesswali biex jingħataw għajnuna ħalli jwelldu peress li dan mhux permess li jsir fi Franza.
//= $special ?>

