Lizio Grech, ir-raġel li jumejn ilu kien mixli bi traffikar ta’ droga lura fl-2009, ippreżenta kawża Kostituzzjonali fejn qed jallega li d-dritt tiegħu għal smiegħ xieraq ġie vjolat meta huwa ma ngħatax assistenza legali waqt l-investigazzjoni.
Grech qed jgħid wkoll li d-drittijiet tiegħu ġew mittiefsa wkoll minħabba d-dewmien li għadda mill-każ minn wara li kien tressaq il-Qorti l-ewwel darba. Il-każ ta’ Grech imur lura għall-1 ta’ Mejju ta’ ħames snin ilu.
Il-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem qalet li “persuna suspettata irid ikollha assistenza ta’ avukat hekk kif huwa ma jibqax igawdi l-liberta’, kemm jekk ikun qed jiġi nterrogat u anke jekk le. In-nuqqas ta’ dawn il-proviżjonijiet jikkostitwixxi vjolazzjoni tad-drittijiet tiegħu, irrispettivament mill-fatt jekk huwa jagħżilx jibqax sieket jew le fil-ħin li jkun arrestat.
Meta jkun hemm assenza ta’ assistenza, li tkun tista’ tipprovdi parir legali u nformazzjoni teknika, l-akkużat ma jkunx jista’ jagħmel użu sħiħ tad-drittijiet tiegħu li huma importanti u hemm il-ħtieġa tagħhom fil-liġi proċedurali kriminali.
Aktar minn hekk il-Qorti tgħid li Artiklu 6 ta’ Konvenzjoni Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem timponi fuq l-istati d-dover li torganizza sistemi ġuridiċi f’mod li l-Qrati ikunu jistgħu jamministraw il-ġustizzja mingħajr dewmien li jkunu jistgħu jippreġudikaw il-kreddibilità u li dak li għandu jsir, jsir b’mod effettiv.
Dan huwa ddisinjat biex wieħed jevita li l-akkużat jinżamm għal ħin fi stat ta’ inċertezza fuq dak li jkun se jgħaddi mingħalih. L-Avukati Franco Debono u Marion Camilleri iffirmaw l-applikazzjoni tal-kawża Kostituzzjonali.
//= $special ?>

