Il-Prim Ministru u Mexxej Laburista Joseph Muscat jiddefendi r-roħs minimu ta’ żewġ ċenteżmi fil-petrol u jiddeskriviha bħala speċjalita tal-Gvern Laburista għaliex ġabet stabbiltà.
Meta kien qed jitkellem fit-tnedija tal-kampanja ‘Charge the Vote’ tal-Forum Żgħażagħ Laburisti f’Pembroke, il-Mexxej Laburista ddeskrieva lil Malta qabel tela’ l-Partit Laburista bħala ‘pajjiż arċi-konservattiv li ma kien jitbiddel qatt’.
Joseph Muscat qal li bl-introduzzjoni tal-Liġi tal-Unjoni Ċivili, li tinkludi wkoll l-adozzjoni tat-tfal minn koppji tal-istess gay, Malta issa ġiet aħjar minn pajjiżi oħra Ewropej.
Minkejja li l-pajjiż jinsab ftit ġimgħat bogħod mill-elezzjonijiet tal-Parlament Ewropew, il-Mexxej Laburista ma rrifera mkien għall-Unjoni Ewropea jew għall-ħidma li d-Deputati Ewroparlamentari Maltin iwettqu fil-Parlament Ewropew iżda tkellem biss fuq kwistjonijiet lokali.
Il-Prim Ministru tkellem dwar l-inizjattivi tal-leave tal-maternità, l-istipendji lill-istudenti, iċ-child care centres b’xejn, il-garanzija għaż-żgħażagħ u r-roħs fil-prezzijiet tal-fuel.
Ftit ġranet wara li l-Gvern Laburista ħabbar ir-roħs minimu fil-prezz tal-petrol, il-Prim Ministru Muscat qal li din kienet speċjalità ta’ Gvern Laburista għaliex ġabet stabbiltà fil-prezzijiet.
Skont il-Prim Ministru, dan ir-roħs se jagħmel differenza kbira għan-nies u żied li issa se jkun hemm min ikun jista’ joħroġ jiekol barra, propju għaliex tħabbar it-tnaqqis minimu fil-prezz tal-petrol u l-gass.
Roħs ta’ żewġ ċenteżmi fil-petrol, propju wara li ftit ġimgħat ilu l-Gvern stess kien għollieh bl-istess ammont li llum raħħsu.
//= $special ?>