Qorti

Sqallin jinżammu taħt arrest preventiv fuq każ ta traffikar ta’ ħames kilos kannabis

Tliet Sqallin, Claudio di Bella ta’ 30 sena, Alfio Strano ta’ 48 sena, u Fernando Rubino ta’ 54 sena, nżammu taħt arrest preventiv wara li kienu mixlija quddiem il-Maġistrat Miriam Hayman fuq traffikar ta’ ħames kilos kannabis.

L-Ispettur Gabriel Micallef spjega fil-Qorti kif nhar il-Ħamis l-1 ta’ Mejju li għadda l-Pulizija qabdu lill-Isqallin f’Paceville, wara ġimgħat ta’ investigazzjoni.

L-arresti saru għall-ħabta tat-3.00 a.m. ftit mumenti wara li l-Isqallin waslu Malta. Madwar ħames kilos ta’ reżina tal-kannabis u żewġ pakketti li kien fiha l-ħaxixa tal-istess droga nstabet fil-karozza tal-Isqallin.

It-tliet irġiel ġew mixlijin b’assoċjazzjoni għat-traffikar tal-kannabis, importazzjoni u pusses f’ċirkostanzi li juri li din ma kienitx għal użu personali tagħhom.

Il-Prosekuzzjoni talbet lill-Qorti biex tiffriża l-assi kollha li jinkludu flus u propjetà tal-akkużati. Huma wieġbu mhux ħatja tal-akkużi miġjubin kontrihom. L-Avukati tal-Għajnuna Legali Cedric Mifsud u Martin Fenech deheru għall-Isqallin.