Internazzjonali

Straġi oħra bit-tfal fis-Sirja

Mill-inqas 18-il persuna, fosthom 11-il tifel u tifla, inqatlu f’żewġ attakki suwiċida fil-provinċja Sirjana ta’ Hama.

L-attakki seħħew f’Jibrin u al-Humeiri. Dawn iż-żewġ irħula jinsabu kkontrollati mir-reġim Sirjan.

L-attakki seħħew ftit ġranet wara li għadd ta’ nies inqatlu fi splużjonijiet fil-partijiet ta’ Homs ikkontrollati mir-reġim.

Hemm suspetti li dawn l-attakki setgħu kienu xogħol il-Front Nusra, ribelli b’rabtiet mal-al-Qaeda u li f’dawn l-aħħar ġimgħat wettqu diversi attakki b’karozzi bomba.

Gruppi favur id-drittijiet tal-bniedem qed isostnu li ż-żewġ naħat f’dan il-kunflitt qed iwettqu atroċitajiet fil-konfront tal-popolazzjoni ċivili.

Hama għandha sinifikat kbir fl-istorja Sirjana. Kien hawn li bdiet tbaqbaq ir-ribelljoni kontra t-tmexxija tal-President Sirjan Bashar al-Assad kif ukoll missieru kien wettaq massakru kbir fl-1982 meta n-nies irribellaw kontrih.