Qorti

Xogħol fil-komunità wara li serqu 9 i-phones

Joseph Aquilina ta’ 54 sena minn Ħaż-Żabbar u Giuseppe Grech ta’ 57 sena minn Ħ‘Attard kienu ordnati mill-Qorti jagħmlu 125 siegħa ta’ xogħol fil-komunità mingħajr ebda ħlas wara li nstabu ħatja li serqu disa’ i-phones mill-post tax-xogħol tagħhom.

L-Ispettur Keith Arnaud qal li fit-28 ta’ Ottubru tal-2011 l-irġiel serqu disa’ “Apple i-phones 4s” mill-maħżen tal-Airmalta Cargo System, f’Ħal-Luqa, fejn huma jaħdmu. Il-valur ta’ dawn il-mobiles huwa ta’ madwar €7,300.

Il-mobiles waslu Malta fl-istess xahar u erba’ minnhom kienu attivati. Wieħed minn dawk li beda jagħmel użu minn mobile minnhom kien ċertu Matthew Busuttil, li jiġi n-neputi ta’ Joseph Aquilina.

Waqt l-interrogazzjoni tiegħu, Aquilina qal lill-Pulizija li kien impjegat tal-kumpanija FedEx. Mobile ieħor instab u ttieħed mingħand it-tifla ta’ Grech. Is-seba’ mobiles l-oħra nstabu f’ħanut tal-mobiles f’Ħal-Qormi.

Filwaqt li Aquilina iddeċieda li ma jixhidx biex ma jinkriminax lilu nniffsu, Grech iddeċieda li jixhed u spjega li hu qatta’ kważi ħajtu kollha fil-Libja fejn tgħallem il-Malti mingħand il-ħbieb tiegħu. Waqt ir-rewwixta fil-Libja, huwa nġieb Malta biex jaħdem fis-servizzi ta’ “courier”.

Huwa nsista li ċertu Adrian Caruana, li ssemma fil-każ qatt ma tah xejn, iżda kien Joseph Aquilina, li għaddielu l-mobiles. Fil-fatt, anke Adrian Caruana kien spiċċa akkużat bl-istess reat ta’ serq fejn kien ammetta u anke xehed kontra Aquilina u Grech.

Dan qal li huwa ħadem bħala “courier” u meta mar jiġbor il-pakketti sab kaxxa żejda b’disa’ iphones ġewwa fiha. Minflok li wettaq il-proċedura normali, qal li huwa żamm il-kaxxa u ftiehem mal-akkużati biex jaqsmu l-mobiles.

Il-Qorti ppreseduta mill-Maġistrat Neville Camilleri qalet li l-Prosekuzzjoni esebbixxiet provi biżżejjed biex Aquilina u Grech li ma ammettewx jinstabu ħatja. Madankollu peress li t-tnejn għandhom kondotta nadifa, l-aħjar sentenza fiċ-ċirkostanzi hija li jagħmlu xogħol fil-komunità u mhux il-ħabs.