Il-kandidat għall-elezzjoni tal-Parlament Ewropew Stefano Mallia appella lill-Gvern biex jieqaf mis-silenzju li għadu jirrenja dwar il-futur tal-linja nazzjonali tal-ajru – l-Air Malta.
F’konferenza tal-aħbarijiet fl-isfond tal-mitjar f’Ħal Safi, Stefano Mallia fisser kif kien beda pjan ta’ ristrutturar, maqbul mill-Kummissjoni Ewropea, li kellu numru ta’ miri li kellhom jintlaħqu kif ukoll għajnuna mill-istat.
Stefano Mallia saħaq li l-impjegati tal-Airmalta għandhom dritt ikunu jafu x’qed jiġri fil-post tax-xogħol tagħhom. Dan għax ħadd m’hu qed jingħata l-verita’ sħiħa ta’ kif qed titmexxa l-linja tal-ajru.
Hu spjega kif qabel kienu jsiru laqgħat bejn il-management u l-impjegati, iżda dawn twaqqfu ħesrem.
Il-kandidat għall-elezzjoni tal-Parlament Ewropew staqsa jekk sarx rapport lill-Kummissjoni Ewropea dwar l-andament tar-ristrutturar. Staqsa wkoll għaliex qed isiru diversi trasferimenti u ċaqliq tal-ħaddiema bla bżonn.
Stefano Mallia spjega li fl-aħħar ġimgħat tneħħew diversi pożizzjonijiet għoljin fil-management tal-kumpanija – b’kollox tmienja.
Hu saħaq li l-linja nazzjonali tal-ajru hi kruċjali għat-turiżmu b’mod partikulari u għall-ekonomija b’mod ġenerali. Jekk jiġri xi ħaġa lill-Airmalta, sostna Stefano Mallia, tkun affettwata l-ekonomija. Allura hemm bżonn li jsiru, bl-aktar mod frekwenti, rapporti dwar il-progress li qed isir fir-ristrutturar tal-Air Malta.
Il-Kelliem tal-Oppożizzjoni dwar it-Turiżmu Robert Arrigo qal li l-Partit Laburista fil-Gvern qed jistinka biex jirbaħ il-voti u mhux biex iħaddem ir-roadmap dwar l-Air Malta, li inċidentalment, ma teżistix.
Robert Arrigo wera solidarjeta’ ma’ diversi impjegati li twaqqfilhom il-kuntratt tax-xogħol tagħhom filwaqt li appella lill-gvern biex iwaqqaf l-inċertezza dwar il-futur tal-Air Malta.
Hu rrefera wkoll għal numru ta’ mistoqsijiet parlamentari li saru minnu stess dwar l-Air Malta – liema mistoqsijiet baqgħu mhux imwieġba jew inkella ngħataw tweġibiet vagi li minnhom infushom joħolqu d-dubji.
//= $special ?>