Atletika Sport

Gay sospiż biss sena

ATLETIKA: L-Amerikan eks Champion tad-Dinja tal-100m u l-200m Tyson Gay ġie sospiż sena wara li nstab pożittiv għal sustanzi projbiti.

Gay li għandu 31 sena, irritorna l-midalja tal-fidda li rebaħ fil-4x100m relay fl-Olimpjadi ta’ Londra sentejn ilu.

Ir-riżultati li kiseb sa mill-15 ta’ Lulju tal-2012, il-jum li fih ħa prodott b’sustanzi projbiti, kienu kollha mħassra u s-sospensjoni tiegħu bdiet tgħodd mit-23 ta’ Ġunju tal-2013, il-jum li fih instab pożittiv fil-Kampjonati Amerikani.

B’hekk Gay hu eliġibbli li jirritorna x-xahar id-dieħel u jista’ jikkompeti fl-Olimpjadi u l-Kampjonati mondjali.

Huwa seta’ ġie sospiż sentejn imma ingħata piena anqas peress li kkollabora mal-Aġenzija kontra d-Doping fl-Istati Uniti.