Elezzjoni Parlament Ewropew 2014 Lokali

Filmat: Il-Kabinett ta’ Muscat €8.5 miljuni fis-sena aktar minn ta’ qabel

Il-Gvern ta’ Joseph Muscat kiser il-wegħda tiegħu biex juża flusu bilgħaqal u minflok qed jaġevola lil tal-qalba.

F’konferenza tal-aħbarijiet li saret quddiem il-Berġa ta’ Kastilja, il-Viċi Kap tal-Partit Nazzjonalista dwar il-Ħidma fil-Partit Beppe Fenech Adami saħaq li l-Kabinett ta’ Muscat qed jiswa €20.1 miljun fis-sena, jew aħjar €8.5 miljun iktar mill-kabinett preċedenti taħt Gvern Nazzjonalista.

Beppe Fenech Adami stqarr li l-Partit Laburista tela’ bl-għajta li se jkun gvern li jnaqqas il-ħela u jagħmel iżjed xogħol b’inqas flus.

Il-Vici Kap tal-Partit Nazzjonalista fisser li fuq medda ta’ ħames snin, il-Kabinett immexxi minn Joseph Muscat se jkun qed jiswa’ €100 miljun – żieda ta’ €42 miljun fuq ħames snin.

Id-differenza fl-ispejjeż, sostna Beppe Fenech Adami, setgħet ġiet użata biex tinbena skola kull sena, ikunu impjegati 444 għalliem, 532 infermier u 570 LSA.

Beppe Fenech Adami rrimarka li l-ispejjeż pubblici sparaw ‘il fuq mhux għax il-Kabinett hu l-akbar wieħed li qatt sar bi 15-il ministru u tmien segretarji parlameentari. Iżda għax twaqqfu segretarjati kbar u hemm diversi konsulenti.

Il-Kelliema tal-Oppożizzjoni għall-Affarijiet Ewropej Marthese Portelli fissret il-metodu li kien użat biex il-Partit Nazzjonalista ħareġ b’dawn il-kalkoli u qalet li t-tagħrif kollu ttieħed mil-linji gwida maħruga mill-Ufficcju tal-Prim Ministru u mill-mistoqsijiet parlamentari.

Hi żiedet li taħt din l-amministrazzjoni, żewġ terzi mill-ħaddiema fis-segretarjati ġew ingaġġati mill-privat u mhux mis-servizz pubbliku. Dan wassal biex in-nefqa pubblika fiċ-ċivil għoliet ferm aktar.

Preżenti għall-konferenza tal-aħbarijiet kien hemm il-kandidati għall-elezzjoni tal-Parlament Ewropew Kevin Plumpton u Norman Vella.