Il-Fondazzjoni Valletta 2018, b’kollaborazzjoni mal-Mercedes-Benz Malta Fashion Week, ħabbret li r-raba’ edizzjoni tal-avveniment iddedikat lill-moda, mifrux fuq sebat ijiem, se jittella’ għall-ewwel darba fil-maġġoranza tiegħu fil-Belt Valletta.
Waqt konferenza tal-aħbarijiet fuq it-taraġ li jwassal għall-Ġnien Hastings, wieħed mill-postijiet fejn se jkunu qed jittellgħu l-isfilati, iċ-Chairman tal-Fondazzjoni Valletta 2018, Jason Micallef, qal li dan l-avveniment qed jittella’ bis-sapport tal-Fondazzjoni għaliex dan se jifforma parti mill-attivitajiet matul il-mixja lejn il-Kapitali Ewropea tal-Kultura 2018. Postijiet ikoniċi bħal Pjazza San Ġorġ, il-Biblioteka Nazzjonali, Dar il-Mediterran għall-Konferenzi u l-Forti Sant’Iermu, se jipprovdu x-xenarju għal dan l-appuntament annwali prestiġġjuż.
Studenti tal-arti u d-disinn minn Leeuwarden fl-Olanda, liema belt se tkun qed tospita t-titlu ta’ Kapitali Ewropea tal-Kultura flimkien mal-Belt Valletta fl-2018, se jkunu f’Malta biex jaħdmu ma’ studenti mill-Istitut tal-Arti u d-Disinn fl-MCAST, waqt il-Fashion Week.
Il-Ministru tal-Ġustizzja, Kultura u Gvern Lokali, Owen Bonnici qal li l-Gvern qiegħed, għall-ewwel darba, mhux biss jgħaraf is-settur tal-moda bħala industrija kreattiva ewlenija ta’ pajjiżna, iżda inkludiha ukoll bħala parti mill-programm tiegħu.
Adrian J. Mizzi, Producer Eżekuttiv tal-Mercedes-Benz Malta Fashion Week esprima s-sodisfazzjon tiegħu dwar il-kollaborazzjoni mal-Fondazzjoni Valletta 2018 u qal li dan se jissarraf biex numru ta’ sfilati u esebizzjonijiet relatati mal-ġimgħa ddedikata lill-moda jittellgħu f’postijiet prestiġġjużi fil-Belt Valletta.
Din hija r-raba’ edizzjoni tal-Malta Fashion Week, attività fuq skala nazzjonali li żviluppat f’ċelebrazzjoni ta’ moda Maltija u internazzjonali matul dawn l-aħħar snin.
Din il-gimgħa ta’ attivitajiet tifforma parti minn numru ta’ Mercedes-Benz Fashion Weeks li jittellgħu madwar id-dinja u tiċċelebra l-moda flimkien mal-wirt u kultura. Isservi ukoll ta’ pjattaforma li tiġbed pubbliċità internazzjonali għat-talent Malti fis-settur. Il-Mercedes-Benz Malta Fashion Week se tinkludi l-Fashion Awards li ilhom isiru mill-1997 bl-għan li jirikonoxxu t-talent Malti. Matul is-snin, l-iskop ta’ din l-attività espanda u sar jinkludi aktar inizjattivi relatati mal-kreattivita u saħħa.
Il-Viċi Sindku tal-Belt, Christian Micallef, qal li huwa unur għall-Kunsill Lokali tal-Belt Valletta li għall-ewwel darba l-Malta Fashion Week se tkun qed tiġi organiżżata fil-Belt Kapitali. “Il-Belt Valletta għandha storja sabiħa li tgħaqqad flimkien l-epoki differenti li għexu missierijitna matul iż-żmien. Għaldaqstant jagħmel sens li avveniment daqstant importanti fil-kalendarju tal-moda ta’ pajjiżna ikun organizzat fil-Belt Barrokka tagħna. Il-Kunsill Lokali qed jagħti l-appoġġ lill-Malta Fashion Week għaliex jemmen tassew li avvenimenti bħal dawn ikomplu jagħtu identità lill-kultura Maltija” tenna Christian Micallef.
Aktar informazzjoni dwar il-Mercedes-Benz Fashion Week Malta tinkiseb minn: http://fashionweek.com.mt
Il-Malta Fashion Week se titella’ bejn il-25 u l-31 ta’ Mejju 2014 f’diversi postijiet madwar il-Belt Valletta u qed issir bis-sostenn tal-Kunsill Lokali Valletta.
Ritratt: Omar Camilleri
//= $special ?>