Lokali

Aġġornata: Imut Louis Bonnici, President tal-Kumitat Sezzjonali PN Naxxar

Il-President tal-Kumitat Sezzjonali tal-Partit Nazzjonalista fin-Naxxar Louis Bonnici miet tard il-Ġimgħa filagħxija, għas-sogħoba ta’ diversi qraba u ħbieb.

Fi stqarrija, il-Partit Nazzjonalista sellem lil Louis Bonnici u esprima s-sogħba tiegħu għat-telfa għall-għarrieda ta’ Louis Bonnici, attivist ħabrieki li dejjem fittex li jikkontribwixxi fuq livell lokali b’risq ir-residenti tan-Naxxar, kif ukoll fl-istrutturi tal-Partit Nazzjonalista.

Il-Partit Nazzjonalista qal li Louis Bonnici għal diversi snin serva bħala membru tal-Kumitat Sezzjonali fin-Naxxar, u fl-aħħar anke’ President u kien jemmen bis-sħiħ fis-sehem importanti tal-kumitati sezzjonali fil-lokalità – man-nies u b’risq il-komunità – kif ukoll fl-organi fit-tfassil tal-politika tal-Partit Nazzjonalista.

Louis Bonnici ta prova tal-ħidma u l-enerġija tiegħu bil-parteċipazzjoni tiegħu fil-Kumitat Sezzjonali tal-Partit Nazzjonalista fin-Naxxar, bil-kontribut kostruttiv tiegħu fil-Kunsill Ġenerali li aktar kmieni din is-sena rreveda l-Istatut tal-Partit Nazzjonalista, kif ukoll bl-intenzjoni tiegħu li jikkontesta biex iservi ta’ rappreżentant tal-Kumitati Sezzjonali fil-Kunsill Amministrattiv tal-Partit Nazzjonalista. Sena ilu, Louis Bonnici kkontribwixxa wkoll għat-tiġdid tal-Partit Nazzjonalista billi kkontesta għall-kariga ta’ President tal-Kunsill Ġenerali.

Fil-lokalità tan-Naxxar, Louis Bonnici kkontribwixxa b’risq il-lokalità u l-komunità Naxxarija bħala Kunsillier Lokali f’isem il-Partit Nazzjonalista.

Il-Partit Nazzjonalista fl-istqarrija sellem lil Louis Bonnici u ta l-kondoljanzi tiegħu lill-familja Bonnici f’dan il-mument diffiċli.

Il-Kulleġġ Kunsilliera Lokali Partit Nazzjonalista (KKLPN) jesprimi l-kondoljanzi tiegħu

Fi stqarrija l-Kulleġġ Kunsilliera Lokali Partit Nazzjonalista (KKLPN) esprima s-sogħba tiegħu għall-mewt ta’ Louis Bonnici, Kunsillier Lokali f’isem il-Partit Nazzjonalista fin-Naxxar u President tal-Kumitat Sezzjonali tal-Partit Nazzjonalista fin-Naxxar.

Il-KKLPN sellem il-memorja ta’ dan il-ġentlom li sa l-aħħar nett baqa’ juru impenn u lealta’ lejn il-Partit Nazzjonalista li tant jemmen fih. Il-KKLPN bagħat il-kondoljanzi tagħha lil bosta qraba u ħbieb ta’ Louis Bonnici u lill-poplu Naxxari li tilef kolonna.

Il-KKLPN fl-istqarrija sellem ukoll il-memorja ta’ Anthony Bonello, ħu is-Sindku ta’ San Ġiljan Peter Bonello u bagħat ukoll il-kondoljanzi lis-Sindku Peter Bonello u l-bosta qraba u ħbieb ta’ Anthony Bonello.

 

Louis Bonnici PN kumitat sezzjonali Naxxar