FUTBOL, SERIE A: It-Tnejn Juventus mistennija jkunu inkurunati Champions tal-Italja għat-30 darba fl-istorja meta jilagħbu f’Turin kontra Atalanta. Għall-kuntrarju ta’ dak li jseħħ is-soltu din id-darba l-partiti tas-Serie A se jintlagħbu bejn il-Ħadd u t-Tlieta.
Matul il-ġimgħa Juventus għelbu lil Sassuolo biex iddefendew it-tmien punti vantaġġ fuq l-eqreb rivali Roma. Madankollu matul il-ġimgħa l-Bianconeri kienu eliminati mis-semifinali tal-Europa League kontra Benfica u jridu jpattu għal din id-disfatta billi jaċċertaw mit-titlu għat-tielet sena konsekuttiva.
Rebħa kontra Atalanta tkun tfisser ukoll li Juventus imorru jilagħbu l-logħba ta’ qabel tal-aħħar fl-Olimpico kontra Roma bħala Champions u jneħħu ħafna mill-pressjoni. Barra minn hekk, b’rebħa kontra t-tim minn Bergamo, Juventus ikomplu jimmiraw għat-tragward tal-100 punt fi staġun wieħed. Fl-ewwel rawnd Juventus kienu rebħu 4-1. Atalanta, fl-aħħar ħarġa kienu miżmuma f’darhom minn Genoa 1-1, anke jekk kienu għal ħin twil b’10 plejers.
Juventus bħalissa diġa’ qabżu t-total ta’ punti mirbuħa taħt Fabio Capello fl-istaġun 2005-06. F’dak l-istaġun kienu rebħu 91 punt imma dak it-titlu kien irtirat wara li feġġ l-iskandlu ‘Calciopoli’. S’issa Juventus rebħu 30 partita, daqs kemm kienu rebħu Inter taħt Roberto Mancini fl-istaġun 2006-07. Jekk it-Tnejn il-Bianconeri jieħdu t-tliet punti jwaqqfu rekord ta’ rebħ. Rebħa għal Juventus għada tkun tfisser ukoll li għall-ewwel darba fl-istorja tal-futbol Taljan tim ikun rebaħ it-titlu għal tliet snin wara xulxin.
Roma, bħal Juventus, ukoll kisru diversi rekords tagħhom stess bl-akbar ammont ta’ punti li qatt ġab il-klabb fl-istorja. Barra minn hekk, it-tim mill-kapitali waqqaf rekord ta’ rebħiet konsekuttivi fl-ewwel 10 ġimgħat tas-Serie A.
Jekk il-Ħadd Roma jegħlbu lil Catania jistgħu jerġgħu jilħqu r-rekord li waqqfu dan l-istaġun stess u tkun il-partita kontra Juventus, li tiddetermina jekk Roma jiksrux ir-rekord tagħhom stess. Fuq il-karta Roma m’għandhomx ifallu milli jirbħu kontra l-Isqallin biex tal-anqas imorru temporanjament ħames punti taħt Juventus. Jekk jitilfu kontra Catania, Juventus ikunu champions illejla stess.
Bir-rebħa kontra Milan, Roma waqqfu wkoll rekord ta’ punti fl-ogħla diviżjoni. Bħalissa għandhom 85 punt, tlieta aktar mit-tim tal-istaġun 2007-08 li kien immexxi minn Luciano Spalletti. Dak l-istaġun, bħal din is-sena, Roma wkoll kienu spiċċaw it-tieni wara Inter.
Fir-rebħa kontra Milan, Roma waqqfu rekord ieħor li ma qalgħux gowl f’21 partita. Ir-rekord preċedenti kien f’idejn it-tim tal-istaġun 2003-04 immexxi minn Capello.
//= $special ?>

