Lokali

L-Alleanza Bidla tappella għall-ħolqien tax-xogħol

L-għajta tas-suldati tal-azzar li saret fil-jiem li għaddew hi maħsuba biex il-partitarji jimxu wara l-leader, imma aħna rridu leaders li jagħtuna lura x-xogħol u mhux leaders li jserrħu rashom fi ftit li jibilgħu kollox.

Din id-dikjarazzjoni iebsa saret minn Ivan Grech Mintoff kandidat tal-Alleanza Bidla waqt konferenza tal-aħbarijiet li saret quddiem il-Monument tal-Indipendenza fil-Furjana. Ħa sehem ukoll Anthony Calleja.

Huma qalu li permezz tat-Trattat ta’ Lisbona, Malta tilfet l-Indipendenza u l-Ħelsien tagħha għax issa m’għadx għandha iktar il-veto. Huma qalu li jridu li d-deċiżjonijiet ikunu biss f’idejn il-Maltin.

Ivan Grech Mintoff qal li l-Alleanza Bidla mhix partit politiku imma hi ffurmata minn grupp ta’ nies Laburisti u Nazzjonalisti li ma jaqblux ma kif qed timxi l-Ewropa. Hu qal li l-Parlament Ewropew hu ‘il fuq mill-Parlament ta’ Malta.

Huma faħħru diversi mexxejja bħal Sir Ugo Mifsud, Manwel Dimech, Ġorg Borg Olivier, Dom Mintoff u Karmenu Mifsud Bonniċi li qalu li dawn ħadmu favur is-sovranita` u favur il-ħaddiema Maltin.

L-Alleanza Bidla trid li jitneħħa t-Trattat ta’ Lisbona u f’Malta jerġa’ jsir referendum biex il-poplu jiddeċiedi jridx li pajjiżna joħroġ mill-Unjoni Ewropea.