Is-silenzju tal-Mdina nkiser bid-daqq kontinwu tat-tnabar kmieni s-Sibt filgħodu meta uffiċjalment ingħata bidu għal jumejn ta’ attivitajiet f’edizzjoni oħra tal-Festival Medjevali.
Mill-bieb prinċipali tal-Imdina daħlu numru ta’ personaġġi li se jkunu l-protagonisti matul dan il-festival…fosthom atturi f’ verżjoni dramattizzata ta’ tieġ medjevali, bejjiegħa tal-iskjavi u grupp ta’ sbandieratori minn Sqallija u San Marino.
Quddiem il-Kattidral, fi Pjazza San Pawl taħt għajnejn ħafna turisti li kienu preżenti, sar id-diskors uffiċjali minn Nobbli li ta bidu għal attivitajiet fejn l-Imdina tilbes il-libsa medjevali. Preżenti għal ftuħ kien hemm is-Segretarju Parlamentari għall-Gvern Lokali Stefan Buontempo, il-Kelliem tal-Oppożizzjoni għall-Gvern Lokali David Agius, is-Sindku tal-Imdina kif ukoll kunsilliera li wkoll kienu lebsin ħwejjeġ tal-epoka medjevali.
Dawk li se jżuru l-Imdina f’dawn il-jumejn se jaraw it-toroq u l-pjazez f’ambjent medjevali grazzi għas-sehem ta’ madwar 300 persuna, fosthom ‘re-enactors’, artisti barrannin u artiġjani li ser jkunu qed jesebixxu ix-xogħol tagħhom b’rabta ma’ din it-tema.
//= $special ?>