Il-WasteServ se tkun miftuħa għall-pubbliku s-Sibt 3 ta’ Mejju u l-Ħadd 4 ta’ Mejju waqt Open Weekend li qed tiġi organizzata mill-kumpanija bil-kollaborazjoni tal-Ministeru għall-Iżvilupp Sostenibbli, l-Ambjent u t-Tibdil fil-Klima bil-għan li tkompli titqajjem kuxjenza u għarfien dwar l-importanza tal-immaniġġjar sostenibbli tal-iskart.
L-attività qed tkun ukoll marbuta wkoll mal-avveniment Ewropew ‘Let’s Clean Up Europe!’.
L-għan ta’ l-Open Weekend huwa li jagħti opportunità lill-Maltin biex jaraw b’għajnejhom kif bl-isforz ta’ kulħadd l-iskart tagħna ma jibqax meqjus bħala problema imma jsir riżorsa.
Waqt il-ftuħ ta’ din l-attività, iċ-Chairman tal-WasteServ is-Sur David Borg u l-Kap Eżekuttiv is-Sur Tonio Montebello saħqu li l-Impjant ta’ Sant’Antnin għandu rwol importanti fl-immaniġġjar tal-iskart f’pajjiżna.
Fl-2013 daħlu 19,735 tunnellata ta’ skart riċiklabbli fil-parti tal-impjant msejħa l-‘Materials Recovery Facility’. Madwar 60% ta’ dan l-iskart huwa mill-borża tar-riċiklaġġ mid-djar. Sorsi oħrajn jinkludu l-Bring In Sites u skart kummerċjali fost oħrajn. Dan l-iskart jinbiegħ lis-settur privat u b’kollox fl-2013 inbiegħu 631 container, jew medja ta’ 52 container fix-xahar.
L-Impjant ta’ Sant’Antnin jilqa’ wkoll skart imħallat sabiex b’mod bijoloġiku l-frazzjoni organika tinbidel f’kompost u fil-proċess tiġi ġġenerata l-enerġija. Fl-2013 daħlu 50,634 tunnellata ta’ skart imħallat, li 95% minnu huwa skart tal-borża s-sewda (Municipal Solid Waste).
Il-Ministru għall-Iżvilupp Sostenibbli, l-Ambjent u t-Tibdil fil-Klima, Leo Brincat saħaq li WasteServ Malta għandha sehem ta’ importanza kbira, kemm bħala rwol li tħaddan kif ukoll bħala stakeholder maġġuri fl-implimentazzjoni tal-Pjan ta’ Strateġija tal-Immaniġġjar tal-Iskart u l-Pjan sabiex jitnaqqas dan l-iskart.
Għall-aktar informazzjoni dwar l-Open Weekend wieħed jista’ jċempel lil WasteServ fuq 2385 8227 jew iżur is-sit www.wasteservmalta.com.
//= $special ?>