Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Simon Busuttil is-Sibt filgħodu żar il-wirja annwali tal-Assoċjazzjoni tal-Model Engineers li qed issir f’Victoria Hall, fin-Naxxar.
Hu kien akkumpanjat mid-Deputat Ewroparlamentari Nazzjonalista u kandidata għall-elezzjoni tal-Parlament Ewropew, Roberta Metsola u mill-kandidat Kevin Plumpton.
Huma ntlaqgħu u ddawwru mal-esebizzjoni minn Ramon Borg, il-President tal-Assoċjazzjoni tal-Model Engineers u tkellmu ma’ diversi membri tal-Assoċjazzjoni li kellhom esebiti l-mudelli tagħhom f’din il-wirja mill-isbaħ.
B’kollox hemm aktar minn elf mudell maħdumin minn madwar 70 membru tal-Assoċjazzjoni. Fost l-ikbar attrazzjonijiet kien hemm stazzjon tal-ferrovija fl-Ingilterra kif ukoll il-vapur tal-art ta’ Malta li ħadem bejn l-1883 u l-1931, inkluż l-istazzjon tal-Ħamrun.
Il-wirja tinkludi wkoll ajruport komplut bit-terminal u bl-ajruplani, mudelli ta’ inġinerija, karozzi, vapuri u anke’ xogħol ta’ ajruplani żgħar maħdumin minn muniti tal-bronż u tal-fidda b’sengħa kbira minn Lolly Vella, membru tal-Assoċjazzjoni.
Fil-fatt il-President tal-Assoċjazzjoni tal-Model Engineers, Ramon Borg ippreżenta lil Simon Busuttil wieħed minn dawn il-mudelli u emblema tal-Assoċjazzjoni u kien ippreżentat ukoll skultura fil-ġebel bit-tema, ‘Spitfire over Malta’.
L-Assoċjazzjoni tal-Model Engineers ilha mwaqqfa mill-1983 u kull sena ttella’ wirja ta’ xogħol ta’ mudelli mill-membri tagħha.
Fi tmiem iż-żjara tiegħu Simon Busuttil faħħar it-talent eċċezzjonali tal-parteċipanti f’din il-wirja li se tibqa miftuħa sa nhar il-Ħadd 4 ta’ Mejju.
//= $special ?>