Internazzjonali

Tħassib għar-reazzjoni Russa

UKRAJNA/RUSSJA: Hemm tħassib għal pass li tista’ tieħu r-Russja wara l-vjolenza mdemmija li kien hemm f’xi bliet fil-Lvant tal-Ukrajna. Dan wara interventi mill-militari Ukren kontra militanti favur ir-Russja li qed jokkupaw xi bliet.

Nhar il-Ġimgħa tal-anqas 50 persuna mietu, il-maġġoranza f’Odessa, u lbieraħ il-Kremlin qal li qed jirċevi “eluf” ta’ talbiet għal għajnuna minn dawk li jitkellmu bir-Russu fil-Lvant tal-Ukrajna. Kelliem għall-Gvern Russu qal li ma kienx deċiż x’pass se jieħu fil-konfront ta’ dawn it-talbiet. Dmitri Peskov, il-kelliem tal-Kremlin, qal li t-talbiet kollha li qed isiru qed jingħataw lill-President Russu Vladimir Putin.

Fil-ġranet ta’ qabel, uffiċjali Russi spiss qalu li jekk dawk li jitkellmu bir-Russu fil-Lvant tal-Ukrajna jkunu mhedda , ma kienux se jeskludu xi tip ta’ intervent.

Peskov qal ukoll li Moska kienet tilfet kull kontroll fuq il-militanti fil-Lvant tal-Ukrajna u li r-Russja waħedha ma kienitx f’pożizzjoni li ssolvi s-sitwazzjoni waħeda.

Matul il-ġurnata tas-sibt, l-awtoritajiet Ukreni komplew bl-offensiva kontra l-militanti.

Fi żvilupp ieħor,il-grupp ta’ seba’ osservaturi mill-Organizazzjoni għas-sigurta u Kooperazzzjoni fl-Ewropa (OSCE) li kienu qed jinżammu priġuniera mill-militanti f’Slovansk, inħelsu. magħhom inħelsu wkoll ħames suldati Ukreni li kienu għassa magħhom
Vladimir Lukin, mibgħut Russu, qal li l-ħelsine sar bħala ġest umanitarju.

Il-Ġimgħa, Slovansk kienet mira ta’ offensiva mill-Armata Ukrena u lok ta’ ġlied qalil. L-armata ħadet il-kontroll tac-checkpoints ewlenin barra l-belt imma ma setgħetx tidħol fil-qalba tal-belt.

Iżda l-agħar sitwazzjoni l-Ġimgħa kienet f’Odessa wara li nqala’ ġlied bejn dawk favur l-Ukrajna u dawk favur ir-Russja qabel logħba football u wara bini fejn marru jistkennu dawk favur ir-Russja ngħata n-nar.

Ritratt: Koppja tippoża għar-ritratti tat-tieġ quddiem il-barrikati tal-militanti favur ir-Russja f’Donetsk. (ritratt EPA)