Lokali Saħħa

Tobba jitlajjaw biex iżuru pazjenti billejl: MUMN

Saret drawwa li meta l-infermiera iċemplu lit-tobba biex jaraw pazjenti fis-swali tagħhom, it-telefonati jew ikunu injorati, jew inkella jekk issir il-viżta, din issir tard ħafna… xi kultant sa’ tlieta jew erba’ siegħat wara t-telefonata tal-infermiera.

Din il-prattika ħażina ilha sseħħ, u minflok ma twaqqfet mill-maniġment ta’ Mater Dei, jidher li din saret aktat il-prattika ta’ kif isiru l-affarijiet.

Il-President tal-Assoċjazzjoni tal-Infermiera u l-Qwiebel qal dan f’ittra miftuħa li bgħat lill-Kap Eżekuttiv tal-Isptar Mater Dei Joe Caruana.

Hu qal li għalkemm l-infermiera u l-qwiebel jirreġistraw f’rapport li ż-żjara tat-tobba ma tkunx saret, il-maniġment ta’ Mater Dei qatt ma ħa passi dixxiplinarji fil-konfront ta’ din il-prattika ħażina, filwaqt li imbgħad, fil-konfront tal-infermiera u l-qwiebel, jittieħdu passi dixxiplinarji għal kull ħaġa ta’ xejn, anke’ f’każijiet fejn l-infermiera ma jkollhomx kontrol.

Filwaqt li l-infermiera u l-qwiebel huma ċċekkjati repetutament b”surprise visits’ matul il-lejl, it-tobba jitħallew mhux kontabbli u mingħajr l-ebda proċess ta’ verifikazzjoni dwar il-viżti li jsiru matul il-lejl.

Saħansitra, jgħid il-President tal-MUMN fl-ittra tiegħu, qed jitqassmu karti mhux iffirmati biex jgħidu lill-infermiera liema tobba għandhom iċemplu bil-lejl, liema m’għandhomx iċemplu u f’liema ħinijiet.

Fl-ittra tiegħu, Paul Pace staqsa għaliex dawn il-karti m’humiex iffirmati jew ippubblikati mill-amministrazzjoni. Jistaqsi wkoll jekk il-maniġment ta’ Mater Dei jafux li qed jitqassmu dawn il-karti mit-tobba, jew inkella jekk b’mod konvenjenti, il-maniġment jiċħad li jaf b’dawn il-karti.

Fost il-mistoqsijiet li jagħmel Paul Pace fl-ittra tiegħu hemm ukoll dwar min jiċċekkja li l-ħinijiet tat-tobba fuq dawn il-karti jikkorrispondu mal-ħinijiet tal-‘break’ tat-tobba u għaliex l-infermiera jintqalilhom biex jaħbu dawn il-karti.

Paul Pace fl-ittra tiegħu jgħid li għal darb’oħra trid tkun l-MUMN li taġixxi bħala ‘whistleblower’. Itemm jgħid li filwaqt li jsiru dawn il-prattiċi ħżiena, isofri l-pazjent filwaqt li appella li wara din l-ittra, il-maniġment iqum u jibda jiċċekkja x-xiftijiet ta’ billejl tat-tobba bl-istess mod kif jiċċekkja x-xiftijiet ta’ billejl tal-infermiera.