Elezzjoni Parlament Ewropew 2014 Ewropa Lokali

Alfred Sant jgħid li jinsab imnikket bis-sħubija ta’ Malta fl-Unjoni Ewropea

L-eks Prim Ministru u eks Mexxej Laburista Alfred Sant, li llum hu kandidat tal-Partit Laburista għall-elezzjoni tal-Parlament Ewropew, iddikjara li jħossu mnikket li Malta hija Membru tal-Unjoni Ewropea u ddefenda d-deċiżjoni tiegħu fl-2003 li ma jaċċettax ir-riżultat tar-referendum dwar is-sħubija fl-Unjoni Ewropea.

Dan stqarru f’opinjoni ffirmata minnu li kienet ippubblikata f’suppliment speċjali fil-gazzetta Il-Mument fl-okkażjoni tal-għaxar anniversarju mis-sħubija ta’ Malta fl-Unjoni Ewropea.

Alfred Sant qal hekk: “id-deċiżjoni li Malta ssir membru tal-Unjoni Ewropea kienet konferma ta’ kif dal-kurrent baqa’ maġġoritarju f’pajjiżna. Ħaġa bħal din lili tnikkitni għax minn dejjem emmint li Malta setgħet u messha, tkun indipendenti tassew”.

L-eks Mexxej Laburista, li qed jikkontesta għal siġġu fil-Parlament Ewropew, iddikjara li l-Partit Laburista għamel tajjeb li ma aċċettax il-leġittimità tar-referendum u jqis li l-biċċa kellha tkun deċiża f’elezzjoni.

Sant allega li “f’Malta bħal fil-bqija tal-Ewropa, referendum miżmum minn Gvern fuq inizzjattiva tiegħu, dejjem kien suġġett għal manipulazzjoni politika massiċċa.”

Minkejja d-dikjarazzjonijiet ta’ Sant dwar is-sħubija fl-Unjoni Ewropea 10 snin wara, il-Prim Ministru u Mexxej Laburista Joseph Muscat għadu jagħtih l-appoġġ assolut.

Għal Muscat, “Alfred Sant jagħmilna kburin fil-Parlament Ewropew, għandu kredibilità, ir-rieda u t-teknika biex iressaq argumenti b’saħħithom u validi”.