Futbol Sport

Benitez kuntent bil-wirja kontra Fiorentina

Il-kowċ ta’ Napoli Rafa Benitez kien sodisfatt bil-wirja tal-players tiegħu wara li n-Naplitani għelbu lil Fiorentina 3-1 fil-finali tal-Coppa Italia li intlagħbet fl-Istadio Olimpico. Il-logħba bdiet tliet kwarti tard minħabba li xi partitarji, x’aktarx ta’ Roma, nasbu lil dawk ta’ Napoli u f’inċidenti li kien hemm barra l-grawnd erba’ persuni weġġgħu fejn wieħed minnhom jinsab f’qagħda kritika wara li ġew sparati tiri ta’ arma tan-nar. Barra minn hekk, fil-grawnd kien hemm ukoll inċidenti bejn partitarji ta’ Fiorentina u Napoli. Pumpier tal-grawnd intlaqat b’murtal u kien hemm mumenti fejn il-logħba ma kinitx se tintlagħab. Napoli eventwalment skurjaw żewġ gowls malajr permezz ta’ Insigne. Vargas naqqas id-distakk għal Viola imma minkejja li t-tim ta’ Benitez spiċċa jilgħab b’10 meta tkeċċa Inler 10 minuti mit-tmiem, dawn reġgħu skurjaw permezz ta’ Mertens proprju qabel it-tisfira finali.

“Kienet logħba sabiħa. Fil-bidu kellna kontroll assolut tal-partita u morna 2-0 min fuq u kollox deher li kienet se tkun logħba faċli sakemm skurja Vargas. Stajna skurjajna t-tielet gowl aktar kmieni imma pattejna għaċ-ċansijiet mitlufa billi iddefendejna tajjeb. Minn qabel il-logħba għidt li li kieku tlifna l-istaġun tagħna xorta waħda kien ikun wieħed pożittiv. Ovvjament ir-rebħa tinżel għasel wara x-xogħol li għamilna,” qal Benitez fl-ewwel kummenti tiegħu. Għal Benitez dan kien l-ewwel unur fl-ewwel staġun tiegħu ma’ Napoli wara li staġun ilu rebaħ l-Europa League ma’ Chelsea. Ta min jinnota li Insigne, l-awtur taż-żewġ gowls kmieni ta’ Napoli, kien l-uniku player mhux biss Taljan fil-grawnd imma l-uniku player Naplitan.

“Hemm ħafna qed isostnu li Insigne għandu jkun magħżul għat-Tazza tad-Dinja u jien naqbel magħhom. Insigne player li kapaċi jagħmel id-differenza. Minn naħa tiegħi niddedika dan is-suċċess lil-familja u lil sħabi,” temm jgħid Benitez. Din kienet it-tieni Coppa Italia li rebħu Napoli fi spazju ta’ tliet snin.

Jirringrazzja lill-partitarji
Minn naħa tiegħu l-kowċ ta’ Fiorentina Vincenzo Montella irringrazzja lill-partitarji li ma waqfux jagħtu l-appoġġ lit-tim, minkejja t-telfa ta’ 3-1. “Ma nafx għalfejn bdejna daqshekk beżgħana. B’xi mod irkuprajna u dħalna fil-partita imma konna qed nilagħbu kontra tim diffiċli u kellna wkoll xi players importanti neqsin,” qal Montella fl-ewwel kummenti tiegħu.

Montella kien qed jirreferi għall-fatt li l-Viola kellhom lill-attakkant Mario Gomez nieqes minħabba injury u lill-winger offensiv Juan Cuadrado sospiż. L-attakkant Taljan Giuseppe Rossi irritorna wara injury li dewmitu barra erba’ xhur. “Nirringrazzja lill-players għal dak li għamlu llejla imma nirringrazzja wkoll lill-partitarji li mill-bidu sal-aħħar ma waqfux jagħtu s-sapport lit-tim. Nittamaw li s-sena li ġejja jerġa’ jkollna staġun pożittiv u li players importanti bħal ma huma Rossi ma jweġġgħux għax ikunu jistgħu jagħtuna dik l-ispinta li jkollna bżonn,” temm jgħid l-eks kowċ ta’ Catania.