Futbol Sport

B’Kara se jattendu kamp ta’ taħriġ fi Franza

Ġimgħa wara d-diżappunt tat-telf tal-Kampjonat, il-klabb Karkariż diġa’ beda jħejji għall-istaġun li ġej.

Permezz tal-paġna tiegħu fuq Facebook, l-uffiċjal ta’ Birkirkara Adrian Delia ikkonferma li l-klabb għadu kemm ikkonkluda ftehim biex l-iskwadra ta’ plejers flimkien mal-istaff tekniku f’nofs Ġunju jmorru Franza għal kamp ta’ taħriġ. Delia iddeskriva dan il-kamp ta’ taħriġ bħala wieħed tal-ogħla livell u dan biex it-tim Karkariż jitħejja bl-iktar mod professjonali għall-impenji li għandu fil-UEFA Europa League.

Il-kontinġent magħmul minn plejers, staff tekniku u xi diriġenti tal-klabb se jmur Franza bejn il-Ħamis 12 ta’ Ġunju, propju dakinhar li tibda t-Tazza tad-Dinja, u jasal lura Malta il-Ħamis 19 ta’ Ġunju.

Il-kontinġent Karkariż se jkun alloġjat fil-villaġġ ta’ Chambon Sur Lignon, viċin il-belt Franċiża ta’ Saint Etienne.

MUIR – Il-midfielder ta’ Floriana Gary Muir ġedded il-kuntratt tiegħu b’sentejn. Il-player Skoċċiż ingħaqad ma’ Floriana qabel l-istaġun 2013-14 u kien wieħed mill-aktar players strumentali fit-tim li salva postu fil-Premier, anke jekk beda b’sitt punti imnaqqsa. Muir kien jilgħab ma’ Vittoriosa fl-istaġun ta’ qabel u kien skurja disa’ gowls fi 15-il logħba biex għen lill-istess Vittoriosa jiksbu promozzjoni għall-Kampjonat BOV Premier.