Futbol Sport

Del Piero għadu inċert dwar il-futur tiegħu

L-eks player leġġendarju ta’ Juventus Alessandro Del Piero qal li għadu ma jafx ma’ liema klabb se jilgħab fl-istaġun li ġej. Matul l-aħħar ġimgħat Del Piero ħabbar li kien se jitlaq lill-klabb Awstraljan ta’ Sydney FC. Il-player ta’ 39 sena kien ingħaqad ma’ Sydney FC sentejn ilu u fl-aħħar jiem kien hemm diversi spekulazzjonijiet li qalu li l-eks captain ta’ Juventus se jilgħab jew fl-Istati Uniti jew fil-Ġappun. “Immur fejn immur nilgħab se mmur bl-intenzjoni li nibni xi ħaġa importanti għall-isport tal-futbol kif għamilt fl-Awstralja. Irrid nesperjenza xi ħaġa ġdida u hu għalhekk li mhux se nibqa’ nilgħab fl-Awstralja. La darba nirtira irrid nirritorna f’pajjiżi għax meta tkun ‘il bogħod minn pajjiżek tibda tapprezza aktar x’kellek,” qal Del Piero.

Intant, player ieħor li wkoll għadu ma iddeċidiex x’se jagħmel fl-istaġun li ġej hu l-attakkant ta’ Inter Diego Milito. Il-kuntratt ta’ Milito ma’ Inter jintemm fi tmiem l-istaġun u minn naħa tiegħu l-President Erick Thohir qal li jixtieq li Milito jibqa’ mal-klab u jkun il-veteran li kapaċi jsolvi l-partiti fl-aħħar minuti, bħal ma hu Luca Toni ma’ Verona.

Fl-aħar jiem kien hemm spekulazzjonijiet li Milito, player li ingħaqad ma’ Inter fl-2009 u li lum-il ġurnata għandu 34 sena se jirritorna lura f’pajjiżu biex jilgħab ma’ Racing Club, il-klabb li miegħu beda l-karriera professjonali ta’ futboler.

KLOSE – L-attakkant internazzjonali Ġermaniż ta’ Lazio Miroslav Klose ġedded il-kuntratt tiegħu mal-klabb tal-belt kapitali Taljana b’sena. Il-kuntratt ta’ Klose kien se jintemm f’Ġunju li ġej imma Klose ġedded il-kuntratt u fih hemm klawsola li fi tmiem l-istaġun li ġej ikollu għażla li jerġa’ jġeddu b’sena oħra.

Klose ingħaqad ma’ Lazio mingħand Bayern Munich fl-2011.

VALDES – Skont rapporti fil-ġurnali Spanjoli fil-jiem li ġejjin Monaco se jħabbru l-akkwist tal-goalkeeper ta’ Barcelona Victor Valdes. Dan tal-aħħar weġġa’ serjament f’Marzu li għadda u mistenni jdum tmien xhur barra mill-azzjoni. Qabel ma weġġa’ Valdes kien diġa’ ħabar li dan kien se jkun l-aħħar staġun tiegħu mal-klabb Katalan. Jekk Valdes jingħaqad ma’ Monaco dan jerġa’ jilgħab ma’ Eric Abidal, eks player ta’ Barcelona. Fl-istaġun li ġej Monaco se jkunu qed jilagħbu fiċ-Champions League wara li spiċċaw fit-tieni post fil-kampjonat Franċiż.

RAUL – L-eks player leġġendarju ta’ Real Madrid Raul mistenni jingħaqad mal-klabb Amerikan ta’ New York Cosmos. Bħalissa Raul jilgħab ma’ Al Sadd tal-Qatar u hu mifhum li wara l-avventura tiegħu ma’ New York Cosmos, Raul se jirtira mil-futbol. Raul hu attwalment l-aqwa skorer fl-istorja taċ-Champions League.