Il-Partit Nazzjonalista qed ikompli jaħdem biex jassigura li Malta tibqa’ fl-Ewropa. Dan sostnih il-kandidat għall-elezzjoni tal-Parlament Ewropew f’isem il-PN Ray Bugeja f’diskors waqt attività soċjali li saret fil-Każin tal-PN f’Bormla s-Sibt filgħaxija.
Hu qal li teżisti mewġa ta’ xettiċiżmu fl-Ewropa u f’Malta hemm kandidati mill-Partit Laburista li jridu jitilgħu biex imorru jikkustinjaw fl-Ewropa.
Ray Bugeja stqarr li għadu ma semax, mingħand il-kandidati tal-Partit Laburista, kelma waħda favur l-Ewropa. Saħaq li l-partiti l-oħrajn, li qed jikkandidaw ruħhom għall-elezzjoni tal-24 ta’ Mejju, qed jinsew x’ħadet Malta mill-Unjoni Ewropea fl-aħħar snin.
Ray Bugeja sellem lil Ġorġ Borg Olivier, li ġab l-Indipendenza, lil Eddie Fenech Adami li daħħal lil Malta fl-Ewropa, lil Lawrence Gonzi li daħħal lil pajjiżna fiż-żona Ewro u lil Kap attwali tal-PN Simon Busuttil li bħala Ewro Parlamentari ħadem qatigħ biex ġab l-aħjar riżultati għal pajjiżna u fl-aħħar mill-aħħar kiseb il-premju għall-aħjar Ewro Parlamentari fl-2012.
Ray Bugeja fakkar li l-post naturali ta’ Malta hu fl-Unjoni Ewropea biex din l-istituzzjoni reġjonali tkun it-tarka tagħna f’każ li d-demokrazija tkun mittiefsa.
Ray Bugeja rrefera għas-sitwazzjoni ekonomika f’Malta u fakkar kif il-qgħad sploda bi 8,000 persuna bla xogħol. Hu saħaq li l-pajjiż ma jistax jimxi ‘l quddiem mingħajr ekonomija b’saħħitha u żied li gvern jista’ jkollu x-xewqat soċjali, iżda mingħajr flus ma jkunx jista’ jwettaq l-ebda xewqa.
Ray Bugeja żied li l-ħdax-il kandidat f’isem il-Partit Nazzjonalista qed jaħdmu biex il-partit jikseb it-tielet siġġu u biex inaqqsu d-distakk tal-elezzjoni li għaddiet.
Hu kompla li wara l-elezzjoni tal-Parlament Ewropew, il-Partit Nazzjonalista se jissokta bil-proġett tiegħu għal tul din il-leġislatura biex jirbaħ l-elezzjoni elettorali fl-2018.
“Il-Partit Nazzjonalista dejjem ħa sfidi kbar, qatt ma beża’ minnhom u rnexxielu jirbaħhom”, temm jgħid Ray Bugeja.
Preżenti għall-okkażjoni kien hemm id-Deputat Nazzjonalista Stephen Spiteri.
//= $special ?>