B’qalb kbira, San Publiju laqa’ għandu lil mijiet ta’ suldati u priġunieri, u dan huwa l-messaġġ li għandu jitwassal lilna lkoll.
Kien dan kliem Dun Nicholas Cachia, li waqt il-quddiesa Pontifikali ta’ San Publiju, matul il-paniġierku, fisser il-mod kif isem San Publiju huwa marbut ma’ sens qawwi ta’ ħniena u ospitalità.
Fil-Knisja Parrokkjali tal-Furjana il-quddiesa Pontifikali tmexxiet mill-Arċisqof Pawlu Cremona, li ntlaqa’ mill-Arċipriet u l-Kleru. Għall-quddiesa, li kienet imżejna bid-daqq u l-kant mill-kor ‘Ġesù’ Nazzarenu’, attendew l-ogħla awtoritajiet tal-pajjiż fosthom il-President ta’ Malta Marie-Louise Coleiro Preca kif ukoll il-President-emeritu Eddie Fenech Adami, il-Viċi Kap tal-Partit Nazzjonalista Mario de Marco u d-Deputat Nazzjonalista Claudio Grech.
Waqt il-Paniġierku Dun Nicholas Cachia qal li min iħenn għall-fqir, ikun qed jislef lil Mulej, u San Publiju kien qed jagħmel dan meta bil-ġenerosità u l-qalb kbira tiegħu għen lis-suldati u l-priġunieri li telgħu fuq l-art wara nawfraġju u jiem twal ta’ biża’ u tbatija.
San Publiju kien il-Gvernatur fi żmien meta Malta kienet maħkuma mill-Imperu Ruman. Fl-atti tal-Appostli naraw kif kien Publiju li wara n-nawfraġju ta’ San Pawl, laqa’ lil Pawlu, lis-suldati u lill-priġunieri għandu.
F’kelmtejn fil-bidu tal-quddiesa Pontifikali, l-Arċisqof Pawlu Cremona qal li San Publiju għandu importanza kbira għall-Maltin ghax kien hu li laqa’ lil San Pawl f’Malta biex imbagħad dan seta’ jkompli bil-missjoni tiegħu.
Il-konverżjoni ta’ San Publiju u tal-Maltin wara l-miġja ta’ San Pawl fil-gżejjer Maltin wassal biex Malta kienet l-ewwel pajjiż Kristjan tal-Punent u fost l-ewwel fid-Dinja.
//= $special ?>