Għalkemm tħabbret biss permezz ta’ ritratt maħruġ mid-Dipartiment tal-Informazzjoni tard il-Ġimgħa filgħaxija, il-kandidat Laburista għall-elezzjoni tal-Parlament Ewropew Lino Bianco, ilu maħtur Ambaxxatur għar-Rumanija u l-Bulgarija mill-Gvern Laburista għal diversi jiem, jekk mhux ġimgħat.
Dan joħroġ biċ-ċar ukoll mill-kampjun tal-polza tal-vot uffiċjali għall-elezzjoni tal-Parlament Ewropew li fiha il-Perit Lino Bianco hu mniżżel bħala Ambaxxatur.
Ta’ min ifakkar li l-aħħar jum għas-sottomissjonijiet u emendi min-naħa tal-partiti għal kif se jidhru l-kandidati tagħhom fuq il-polza tal-vot kien it-23 ta’ April li għadda. Li jfisser li l-kariga kienet konfermata qabel din il-ġurnata.
Min-naħa l-oħra, f’kummenti li ta lis-sit Newsbook, il-kandidat Laburista Lino Bianco ta x’jifhem li kienu ilu diversi xhur li ngħata din il-kariga. Iżda minn informazzjoni li għandu maltarightnow.com, il-Partit Laburista talab lill-Kummissjoni Elettorali biex jinkludi l-kariga ta’ Ambaxxatur taħt l-isem ta’ Lino Bianco, ftit qabel ma’ għalaq iż-żmien biex isiru dawn l-emendi.
Ma’ newsbook, Lino Bianco, li hu wkoll membru fil-Bord tal-Awtorità tad-Djar, qal li jekk ikun elett MEP jirriżenja minn Ambaxxatur.
Sadanittant, id-Deputat Laburista Silvio Schembri ngħata kariga oħra mill-Gvern, dik ta’ Chairman tar-Responsible Gaming Foundation.
Fi stqarrija dwar dawn l-aħħar żewġ karigi, il-PN qal li filwaqt li l-ħbieb tal-qalba sejrin tajjeb ħafna, il-Prim Ministru Muscat irid jgħidlu grazzi talli tahom traħħis ta’ 2 ċenteżmi fuq petrol bla ċomb. L-istess żewġ ċenteżmi li żied hu stess xahar ilu.
Il-PN hu meraviljat bit-talenti sinjifikanti li għandu d-Deputat Silvio Schembri li minbarra din l-aħħar kariga, Silvio Schembri hu Deputat Laburista fil-Parlament Malti, Chairman tal-Kumitat dwar l-Affarijiet Ekonomiċi tal-Parlament, Konsulent fil-Ministeru tal-Ekonomija u l-Investiment u Lecturer Part-time fl-Università ta’ Malta.
B’kollox id-Deputat Silvio Schembri u l-mara tiegħu għandhom tmien impjiegi pubbliċi. Il-PN qal li filwaqt li Silvio Schembri qed jiekol minn erbat iħluq, mat-8,000 persuna jinsabu mingħajr xogħol u ġustament qed jistennew li l-Prim Ministru jieqaf jaħseb f’tal-qalba u juża l-enerġija tiegħu biex joħloq ix-xogħol.
//= $special ?>