Kultura Lokali

Il-Kumpless tan-Nar Sant’Andrija jirbaħ it-8 edizzjoni tal-Festival Nazzjonali tan-Nar tal-Art

Il-Kunsill Lokali Floriana ħabbar ir-rebbieħa tat-tmien edizzjoni tal-Festival Nazzjonali tal-Logħob tan-Nar tal-Art Mekkanizzat li ġie organizzat mill-istess Kunsill fuq il-Fosos tal-Floriana, is-Sibt 3 ta’ Mejju, 2014.

F’dan il-Festival kompettitiv ħadu sehem 11 il-Kumplessi/Għaqdiet tan-Nar lokali li esebew l-aħjar żewġ biċċiet tan-Nar tagħhom.

Il-Kumpless tan-Nar Sant Andrija, Soċjetà Mużikali Unjoni, Ħal Luqa ġie iddikjarat bħala r-rebbieħ ta’ dan il-Festival. Ta’ min jgħid li din hija t-tieni darba li dan il-kumpless qed jirbaħ dan il-Festival, wara li dan l-istess kumpless rebaħ l-ewwel edizzjoni fl-2007.

Il-Kategorija għall-aħjar mekkaniżmu bl-inqas ingrenaġġi possibli li nkludiet ukoll l-użu tal-ktajjen, u il-Kategorija għall-aħjar prodotti wżati intrebħu wkoll mill-Kumpless tan-Nar Sant’ Andrija, Soċjetà Mużikali Unjoni, Ħal Luqa.

Il-Kategorija għall-oriġinalità fid-disinji u movimenti ntrebħet mill-Kumpless tan-Nar San Filep, Ħaż-Żebbuġ.

Il-premju għall-aħjar xogħol pirotekniku skont l-opinjoni pubblika permezz tal-SMS’s intrebaħ mill-Kumpless tan-Nar San Filep, Ħaż-Żebbuġ li ġab total ta’ 2,440 vot.

Il-ġurija kienet magħmula minn tlitt pirotekniċi internazzjonali mill-Italja, n-Norveġja u l-Olanda filwaqt li ċ-Chairman kien is-Sur Michael Brockdorff. Il-ġurija evalwat x-xogħlijiet tan-nar waqt l-armar, waqt il-ħruq u anke permezz ta’ filmati.

Ir-riżultati tħabbru llum fl-uffiċċju tal-Kunsill Lokali Floriana fil-preżenza ta’ rappreżentanti ta’ l-Għaqdiet kollha parteċipanti. Immedjatament wara, il-Kunsillier Edward Torpiano ppreżenta l-premjijiet lir-rebbieħa.