Elezzjoni Parlament Ewropew 2014 Lokali

Filmat: Vot kontra l-ingann tal-Partit Laburista

Il-vot ta’ nhar l-24 ta’ Mejju għandu jkun messaġġ kontra l-ingann tal-Gvern Laburista. Il-Partit Nazzjonalista mhux se jaqta’ qalbu u jekk iżomm mal-prinċipji tal-onestà, il-verità u s-serjetà jista’ jikseb it-tielet siġġu fil-Parlament Ewropew.

Dan il-messaġġ ta’ kuraġġ kien fil-qofol tad-diskors tal-Kap tal-PN Simon Busuttil huwa u jindirizza attività politika f’Ħal Qormi.

Id-diskors ta’ Simon Busuttil iffoka fuq il-kuntrasti bejn il-PN li matul din il-ġimgħa ta ideat konkreti ta’ kif nistgħu noħolqu x-xogħol u l-Partit Laburista li fi kliem Simon Busuttil jagħti l-loqma lin-nies u jħalli l-laħam għal tal-qalba.

Id-diskors ta’ Simon Busuttil iffoka fuq il-kuntrasti bejn il-PN li matul din il-ġimgħa ta ideat konkreti ta’ kif nistgħu noħolqu x-xogħol u l-PL li fi kliem Simon Busuttil jagħti l-loqma lin- nies u jħalli l-laħam għal tal-qalba.

Huwa u jitkellem fuq ix-xogħol, Simon Busuttil fakkar fl-istatistika tal-Eurostat li tindika li f’sena pajjiżna niżel mir-raba’ għas-sitt post bl-inqas rata ta’ qgħad u appella lill-Gvern biex ma jibqax jaħbi din il-problema taħt it-tapit.

Simon Busuttil tkellem dwar l-‘aħbar it-tajba’ li ta l-Prim Ministru u saħaq li din l-aħbar tikxef l-ingann tal-Gvern Laburista.

Tenna li meta l-Partit Laburista niżżel lin-nies fit-toroq, il-prezzijiet tal-petrol kienu irħas u fakkar li ħdejn il-Prim Ministru kien hemm il-Ministru Konrad Mizzi li martu ma ħaditx 2ċ imma €13,000 fix-xahar.

Simon Busuttil irrefera għas-sejħa ta’ Joseph Muscat għas-‘suldati tal-azzar’ u qal li l-Prim Ministru qed jagħmel distinzjoni bejn is-suldati tal-azzar u s-suldati tal-qalba li gawdew minn 4 promotions wara xulxin.

Tkellem ukoll dwar id-diskriminazzjoni li qed issir fl-għoti tal-mediċini mill-POYC u qal li dan l-iskandlu jixħet dubju fuq l-integrità tas-servizz tas-saħħa f’pajjiżna u jiddiskrimina bejn ċittadini tal-ewwel klassi u tat-tieni klassi.

Fid-dawl ta’ dan kollu Simon Busuttil qal li l-vot tal-24 ta’ Mejju għandu jkun messaġġ lil dan il-Gvern li ma jistax jibqa jittradixxi lill-poplu Malti.

L-attività kienet indirizzata mill-kandidati tal-PN għall-elezzjoni tal-Parlament Ewropew.

Ray Bugeja qal li n-nuqqas ta’ viżjoni politika ta’ dan il-Gvern qed twassal għal inċertezza fil-pajjiż u saħaq li ż-żieda fil-qgħad hija indikatur ta’ kif sejra l-ekonomija tal-pajjiż. Huwa qal li l-poplu għandu jivvota lill-kandidati tal-PN li, kuntrarju għall-kandidati tal-PL, huma konvinti mill-ideal Ewropew.

Therese Comodini Cachia tkellmet dwar il-kuntrast bejn iż-żieda fil-qgħad u l-opportunitajiet ta’ xogħol li nħolqu għal tal-qalba. Hija qalet li l-Gvern għandu joħloq setturi ġodda ta’ impjieg għaż-żgħażagħ u saħqet li ż-żgħażagħ għandhom jingħataw prijorità meta jitfassal il-pjan ta’ kif se jintefqu l-fondi Ewropej li kiseb Gvern Nazzjonalista għal pajjiżna.

Stefano Mallia silet id-differenza bejn Gvern Nazzjonalista li kellu viżjoni għal pajjiżna u l-Partit Laburista li miegħu ma nafux fejn sejra l-ekonomija Maltija. Huwa tkellem dwar il-biżgħa li hemm fost il-ħaddiema taċ-Ċivil li huma mbeżża’ li jitkellmu. Huwa qal li l-vot tal-24 ta’ Mejju għandu jmur lejn min verament jemmen fl-Unjoni Ewropea u mhux lejn min ħadem bla heda biex pajjiżna ma jissiħibx fl-Unjoni Ewropea.

Il-kandidat Kevin Plumpton fakkar li l-garanzija għaż-Żgħażagħ qed issir permezz ta’ fondi Ewropej u kien Gvern Nazzjonalista li ħadem biex iż-żgħażagħ ikun jista’ jkollhom dawn l-opportunitajiet. Huwa qal li dan il-Gvern wettaq “delitt psikoloġiku” għax qatel l-ambizzjoni kollha tal-ħaddiema tal-Gvern u saħaq li l-vot tal-24 ta’ Mejju għandu jmur lejn min jemmen f’opportunitajiet indaqs għal kulħadd.