Lokali

Jgħaddu biż-żmien lil partitarji Laburisti bla xogħol!

Għadd ġmielu ta’ partitarji Laburisti jinsabu diżappuntanti bil-kbir u daqstant ieħor irrabjati minħabba li l-wegħdiet ta’ qabel l-elezzjoni li jingħataw post tax-xogħol, partikolarment mal-gvern, kulma jmur qegħdin ikomplu jisfumaw fix-xejn.

Ir-rabja ta’ ħafna minn dawn il-partitarji Laburisti reġgħet ħarġet fil-beraħ dan l-aħħar hekk kif falliet manuvra tal-Partit Laburista fi sforz imqanżaħ biex isib postijiet tax-xogħol lil dawn il-Laburisti, li wara 14-il xahar mill-elezzjoni għadhom qegħdin jistennew li l-Partit Laburista jsibilhom ix-xogħol.

maltarightnow.com għandu informazzjoni li uffiċjali għolja fil-Partit Laburista għandhom pressjoni qawwija minn għadd kbir ta’ Laburisti li qegħdin jinsistu li jingħataw post tax-xogħol, iżda min-naħa l-oħra dawn l-uffiċjali qegħdin isibuha diffiċli biex isibu u jakkomodaw it-talbiet persistenti ta’ dawn il-partitarji Laburisti.

Skont sorsi qrib ħafna tas-settur privat jirriżulta li fl-aħħar ġimagħtejn, il-Partit Laburista għamel eżerċizzju fejn identifika l-postijiet tax-xogħol li huma reklamati mis-settur privat mal-Korporazzjoni għax-Xogħol u Taħriġ (ETC). Wara li sar dan l-eżerċizzju, issejħu l-partitarji Laburisti li kienu reġistrati mal-Partit Laburista għax kienu qegħdin ifittxu xogħol, u ġew referuti biex imorru għand kumpaniji li kienu qed jirreklamaw xi postijiet tax-xogħol mal-ETC.

Minn tagħrif li kiseb maltarightnow.com jirriżulta li kien hemm numru minn dawn il-Laburisti li marru għand dawn il-kumpaniji privati, b’konsegwenza li wħud minn dawn il-kumpaniji spiċċaw b’għexieren ta’ Laburisti jsaqsu għall-istess post tax-xogħol wara li kienu mibgħuta mill-Partit Laburista. Din is-sitwazzjoni ħasdet mhux bi ftit lil dawn il-kumpaniji, u saħansitra meta staqsewhom min kien qed jirreferihom, it-tweġiba kienetĠ il-Partit Laburista.

Il-prattika uffiċjali hi li l-ETC tirreferi persuna li tkun bla xogħol għand kumpanija privata li tkun qed tirreklama post tax-xogħol mal-Korporazzjoni. Iżda f’dan il-każ, xogħol l-ETC ittieħed mill-Partit Laburista billi beda jirreferi partitarji Laburisti għand kumpaniji privati.

Iżda jirriżulta wkoll li din is-sitwazzjoni ma niżlet xejn tajjeb ma’ għadd ta’ Laburisti li jinsabu bla xogħol, hekk kif kienu avviċinati mill-Partit Laburista biex imorru għand kumpaniji privati li kienu qegħdin jirreklamaw xi postijiet tax-xogħol. Ħafna minnhom ilmentaw li ma kienx hemm għalfejn il-Partit Laburista li jibgħathom, għax huma faċilment setgħu jmorru jfittxu l-ETC. Oħrajn tant kienu rrabjati li injoraw għalkollox ir-referenza li saritilhom mill-Partit Laburista minħabba li qegħdin ikomplu jinsistu li jingħataw impjieg mal-gvern. Fost dawn kien hemm ukoll uħud li bdew jakkużaw lill-Gvern ta’ Muscat “li ma’ min iridu mill-ewwel sabulhom xogħol mal-gvern, u akkomodawhom b’paga ta’ eluf ta’ ewro, u aħna se nibqgħu nittallbu biex ningħataw dak li kien imwiegħed lilna qabel l-elezzjoni.”

F’dawn l-aħħar 14-il xahar, il-Gvern Laburista daħħal lil tal-qalba u lill-membri tal-familji tagħhom mal-gvern, biex dawn issa jlaħħqu mal-2,000 ruħ mal-gvern. Imma l-bqija, fosthom anke Laburisti li mhumiex daqshekk tal-qalba, qed ikollhom jirreġistraw, bħat-8,000 li issa qed jirreġistraw biż-żieda li kien hemm fil-qgħad kemm ilu li tela’ fil-gvern il-Partit Laburista, jew ikollhom jaċċettaw il-pagi taċ-Ċina, bħall-ħaddiema tal-Enemalta.

Ċifri tal-Eurostat pubblikati nhar il-Ġimgħa li għadda juru li l-qgħad qiegħed jiżdied b’rata allarmanti. Mir-raba’ l-inqas pajjiż bl-inqas rata ta’ qgħad fl-UE, taħt Gvern Laburista pajjiżna sar is-sitt l-inqas pajjiż fl-UE b’6.8%.