Elezzjoni Parlament Ewropew 2014 Lokali

Jintemm it-tqassim tad-dokumenti tal-vot fid-djar

Fadal 43,223 vot x’jinġabru – kważi 13%

Fost l-aktar lokalitajiet fejn ma tqassmux dokumenti tal-vot hemm San Pawl il-Baħar, San Ġiljan, il-Belt Valletta u Marsalforn, Għawdex.

Nhar il-Ġimgħa fid-9pm għalaq il-proċess tat-tqassim tad-dokumenti tal-vot għall-elezzjoni tal-Parlament Ewropew mill-pulizija fid-djar. Biex issa d-dokumenti tal-vot mhux imqassma jkunu jistgħu jinġabru biss mill-għases tal-pulizija mid-9 ta’ Mejju ‘l quddiem.

Wara li l-Ġimgħa 2 ta’ Mejju, intemm il-proċess tat-tqassim fid-djar, tqassim li kien ilu għaddej kuljum mit-12 t’April, kien għad fadal 43,223 dokument tal-vot li ma tqassmux, li jfisser li kważi 13% ta’ dawk li skont l-aħħar reġistru elettorali għandhom id-dritt li jivvutaw is-Sibt 24 ta’ Mejju għad m’għandhomx id-dokument tal-vot f’idejhom biex ikunu jistgħu jagħmlu dan.

B’kollox jammontaw għal 343,278 dawk eliġibbli għall-vot f’din l-elezzjoni, u minn dawn, sa nhar il-Ġimgħa kienu rċivew il-vot fir-residenza tagħhom ftit aktar minn 300,000 jew 87%.

L-akbar ammont ta’ voti mhux imqassma mill-pulizija kien dak fiż-Żebbuġ Għawdex, li jinkludi lil Marsalforn, b’37%, segwit minn San Pawl il-Baħar b’33%, il-Belt Valletta b’27%, u San Ġiljan u l-Għarb Għawdex b’26%.

Għal dawk li għad m’għandhomx id-dokument tal-vot, issa l-aħħar ċans ikun li jiġbruh mill-Għassa tal-Pulizija tal-lokal tagħhom bejn nhar il-Ġimgħa li ġej 9 ta’ Mejju u s-Sibt 17 ta’ Mejju – ġimgħa qabel l-elezzjoni. Fejn m’hemmx għassa, id-dokument tal-vot ikun jista’ jinġabar mill-Uffiċċju tal-Kunsill Lokali.

Il-ħinijiet biex jinġabru l-voti jkunu mid-9am sas-1pm u bejn it-3pm u d-9pm. Fl-aħħar ġurnata, is-Sibt 17 tax-xahar, il-ġbir idum sal-10pm. Biex wieħed jiġbor id-dokument tal-vot irid jieħu miegħu l-karta tal-identità. Mingħajr dokument tal-vot ħadd ma jista’ jivvota fl-24 ta’ Mejju. Dakinhar ukoll se jsiru elezzjonijiet biex jiġu eletti 5 kumitati amministrattivi fil-komunitajiet, imma fil-każ ta’ dawn il-hamlets, ir-residenti jistgħu jivvutaw b’sempliċi ID Card.