Meta tmorru timlew il-karozza tagħkom mill-pompa tal-petrol, hemm diġa għandkom raġuni għalfejn tivvutaw lill-Partit Laburista. Kien dan il-messaġġ tal-mexxej Laburista Joseph Muscat waqt laqgħa mal-partitarji f’Ħaż-Żabbar meta kien qed jitkellem dwar ir-roħs ta’ żewġ ċenteżmi fil-prezz tal-petrol, l-istess ammont ta’ żewġ ċenteżmi li kien għolla l-gvern immexxi minnu stess xahar qabel.
Muscat qal ukoll li fost l-iktar li se jħossu r-roħs taż-żewġ ċenteżmi fil-petrol huma l-pensjonanti. Madankollu fl-ebda ħin il-Prim Ministru ma semma li dawn l-istess pensjonanti qed jitgħabbew bi spejjeż żejda biex jixtru l-mediċini li mhux talli mhux jitwasslu fi djarhom talli jinsabu out of stock u li żgur jiswew iktar minn 2 cents.
Il-mexxej Laburista ndirizza wkoll lil min iħaddem u qalilhom li hu jisma’ l-problemi tagħhom. Qal li min iħaddem jitkellem miegħu u jgħidlu biex ma jgħabbihx b’iktar spejjeż għax ma jiflaħx iħallas iżjed. Imma dan id-diskors Msucat qalu jumejn biss wara li fil-Politika Nazzjonali tax-Xogħol, l-istess Gvern ħabbar li se jżid il-bolla għal min iħaddem – miżura li ġabet kritika minn min iħaddem għax iddaħħlet mingħajr kunsens.
Joseph Muscat ftaħar ukoll dwar kemm qed jirnexxielu joħloq impjiegi l-Gvern Laburista, minkejja li statistika wara l-oħra qed turi li l-gvern tiegħu mhux jirnexxielu joħloq xogħol biżżejjed għad-domanda tant li l-qgħad qed jiżdied. Naqas milli jgħid ukoll li l-iktar li qed igawdu huma dawk tal-qalba fosthom Silvio Schembri u martu li bejnietom iggwadanjaw 8 jobs.
Iktar minn hekk, Muscat ftaħar li pajjiżna għandu fost l-inqas rati ta’ qgħad fost il-membri tal-Unjoni Ewropea meta l-aħħar statistika tal-Eurostat turi li minn Diċembru ‘l hawn Malta tilfet żewġ postijiet u llum tinsab fis-sitt post.
Joseph Muscat indirizza wkoll il-kritika li qed issirlu għall-ammont kbir ta’ persuni li qed jiġu mpjegati mal-gvern. Madankollu qal li dawn il-postijiet imtlew minn nurses, tobba, pulizija u oħrajn.
Qabel id-diskors ta’ Muscat, spikka d-diskors tal-kandidat Charlon Gouder. Gouder saħansitra akkuża lil Simon Busuttil li mhux jgħid kif se joħloq ix-xogħol, meta din suppost hi xi ħaġa li qed jagħmel Gvern Laburista, iżda minflok żied il-qgħad, speċjalment iż-żgħażagħ bla xogħol.
Għal Joseph Muscat, l-importanti hu li tkun tal-qalba
B’reazzjoni għad-diskors tal-Prim Ministru Joseph Muscat f’Ħaż-Żabbar, il-Partit Nazzjonalista qal li bejn il-kliem u l-fatti hemm qabża kbira. Il-kliem sabiħ tal-Prim Ministru li għandha tiġi ppremjata l-bżulija f’pajjiżna ma jisgħux jittieħdu bis-serjetà meta wieħed jikkunsidra li l-uniku kriterju wara l-ħatriet li għamel Joseph Muscat f’din l-ewwel sena kien jekk intix tal-qalba jew le, tgħid l-istqarrija tal-Partit Nazzjonalista.
Il-Partit Nazzjonalista qal li filwaqt li Joseph Muscat kien wiegħed Malta Tagħna Lkoll, illum f’pajjiżna żdied il-qgħad għal kważi 8,000 persuna mingħajr xogħol u żdiedu għal 5,800 wkoll iż-żgħażagħ li mhumiex qegħdin jaħdmu, jistudjaw jew jitħarrġu.
Il-Partit Nazzjonalista qal li l-Prim Ministru jrid lill-poplu Malti u Għawdxi jikkuntenta lilu nnifsu bi traħħis ta’ 2 ċenteżmi fil-prezz tal-petrol bla ċomb, iżda fl-istess waqt qed ikompli jagħti ħatriet lin-nies tal-qalba, inkluż id-Deputat Laburista Silvio Schembri u l-kandidat tal-Partit Laburista Lino Bianco.
L-istqarrija tal-Partit Nazzjonalista tgħid li meta Joseph Muscat jgħid li jrid joħloq middle class ġdida qed jirreferi għall-klassi ġdida ta’ nies tal-qalba li ħoloq minn mindu ġie elett bħala Prim Ministru. “Vot għal Joseph Muscat fl-24 ta’ Mejju hu vot favur il-politika tan-nies tal-qalba.”
//= $special ?>