Il-Gvern Afgan iddikjara jum ta’ luttu nazzjonali għall-mijiet tan-nies li tilfu ħajjithom jumejn ilu, wara li valanga tat-tajn straxxnat il-villaġġ ta’ Ab Barik, fil-provinċja ta’ Badakhshan.
Il-Gvernatur tal-provinċja, sadanittant, ikkonferma li ‘ma teżisti l-ebda tama’ għal aktar minn elfejn ruħ li jaħsbu li ntradmu taħt it-tajn; bl-uffiċjali, issa, jtemmu formalment it-tfittxija għal ‘aktar ħajjin’.
Il-mewt waslet ħesrem għal xi 2,000 persuna li kienu fid-djar tagħhom u li ntradmu taħt il-gliegel tat-tajn u l-blat. Dan wara li ċediet l-art ta’ muntanja b’kaġun ta’ maltemp qalil, bl-iskwadri għall-emerġenzi issa jitilqu mill-villaġġ ta’ Ab Barik wara li ma setgħux jużaw il-makkinarju tqil biex jelevaw il-katavri, peress li l-inħawi huma inaċċessibbli.
Mijiet ta’ persuni oħra huma rrappurtati neqsin wara li marru biex jgħinu fl-ewwel impenji tas-salvataġġ wara t-traġedja u fost rapporti dwar ‘tieni valanga qattiela’. Bħalissa, mijiet ta’ nies li salvaw huma kostretti li jgħixu mingħajr saqaf fuq rashom fl-istess inħawi, għalkemm qed jaslulhom il-provvisti, fil-forma ta’ tined, ikel u mediċina.
//= $special ?>

