Atmosfera mill-isbaħ fl-Imdina hekk kif il-Ħadd kompla l-Festival Medjevali tal-Imdina, fejn l-ispirtu medjevali kompla jagħti l-ħajja lill-Belt Siekta, fejn għal ftit sigħat, l-Imdina reġgħet libset il-libsa oriġinali tagħha – dik ta’ belt antika, b’ruħ medjevali.
U dan seħħ grazzi għas-sehem ta’ madwar 300 persuna, li fuq perjodu ta’ jumejn, mis-Sibt sal-Ħadd, ipparteċipaw f’numru kbir t’attivitajiet li għamlu s-sitt edizzjoni tal-Fesival Medjevali tal-Imdina suċċess għal bosta Maltin u tursti li żaru l-Belt Kapitali l-antika ta’ Malta biex igawdu minn din l-atmosfera mhux tas-soltu.
Il-Festival Medjevali tal-Imdina beda s-Sibt b’diskors min-nobbli quddiem il-Katidral li taw bidu għal dan il-festival.
Fost l-attivitajiet mifruxa mal-Imdina kollha kien hemm verżjoni ta’ tieġ bil-mod kif kien isir fiż-żminijiet tan-nofs, wirjiet ta’ battalji u ġlied, bejjiegħa tal-iskjavi fit-toroq tal-Imdina, suq medjavali b’prodotti tal-artiġjanat, fosthom ikel li kien jittiekel fiż-żmien tan-nofs, u ħolqien mill-ġdid ta’ ambjent ta’ taverna tal-inbid.
Fost dawk preżenti ħafna familji bit-tfal – u turisti li kellhom iċ-ċans jiskopru aktar x’kienet tfisser il-ħajja fl-Imdina ta’ mijiet ta’ snin ilu.